Eżodu
13 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Qaddisli kull l-ewwel imwieled tas-sess maskil li jiftaħ kull ġuf minn fost ulied Israel, fost il-bnedmin u l-bhejjem. Ikun tiegħi.”+
3 U Mosè ssokta jgħid lin-nies: “Ħa jkun hemm tifkira taʼ dan il-jum li fih ħriġtu mill-Eġittu,+ minn dar l-ilsiera, għaliex kien bis-saħħa taʼ idu li Ġeħova ħariġkom minn hawnhekk.+ Għalhekk, xejn imħemmer ma jistaʼ jittiekel.+ 4 Illum intom ħerġin fix-xahar taʼ Abib.+ 5 U jrid iseħħ li meta Ġeħova jkun daħħlek fl-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, taʼ l-Amurrin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin,+ l-art li ħalef lil missirijietek li jagħtik,+ art li tnixxi ħalib u għasel,+ imbagħad trid twettaq dan l-att taʼ qima f’dan ix-xahar. 6 Għal sebat ijiem trid tiekol ħobż bla ħmira,+ u fis-sebaʼ jum tagħmel festa lil Ġeħova.+ 7 Ħobż bla ħmira jrid jittiekel għas-sebat ijiem;+ u xejn imħemmer m’għandu jidher għandek,+ u ebda għaġina mħemmra* m’għandha tidher għandek ’il ġewwa mill-fruntieri kollha tiegħek.+ 8 U dakinhar trid tkellem lil ibnek u tgħidlu, ‘Hu minħabba dak li Ġeħova għamel miegħi meta jien ħriġt mill-Eġittu.’+ 9 U dan irid iservi għalik bħala sinjal fuq idek u bħala tifkira bejn għajnejk,+ sabiex il-liġi taʼ Ġeħova tkun ġo fommok;+ għax kien b’id b’saħħitha li Ġeħova ħarġek mill-Eġittu.+ 10 U trid tħares dan l-istatut fiż-żmien stabbilit għalih minn sena għal sena.+
11 “U jrid iseħħ li meta Ġeħova jdaħħlek fl-art tal-Kangħanin,+ sewwasew bħalma ħalef lilek u lil missirijietek,+ u meta jagħtihielek, 12 imbagħad lil Ġeħova trid tiddedikalu lil kulmin jiftaħ il-ġuf+ u lil kull l-ewwel ferħ taʼ bhima,+ li jsir tiegħek. L-ewwel imweldin tas-sess maskil ikunu taʼ Ġeħova.+ 13 U lil kull l-ewwel ferħ taʼ ħmar trid tifdih b’nagħġa, u jekk ma tifdihx, trid tiksirlu għonqu.+ U trid tifdi wkoll lil kull l-ewwel imwieled fost uliedek.+
14 “U jrid iseħħ li fil-każ li ibnek jistaqsik iktar tard+ u jgħidlek, ‘Dan xi jfisser?’ int trid tgħidlu, ‘Bis-saħħa taʼ idu Ġeħova ħariġna mill-Eġittu,+ minn dar l-ilsiera.+ 15 U ġara li l-Fargħun webbes rasu u ma riedx jibgħatna,+ u Ġeħova qatel lil kull l-ewwel imwieled fl-art taʼ l-Eġittu,+ mill-ewwel imwieled tal-bniedem sa l-ewwel imwieled tal-bhejjem.+ Huwa għalhekk li qed noffri lil Ġeħova dawk kollha tas-sess maskil li jiftħu l-ġuf,+ u nifdi lil kull l-ewwel imwieled minn uliedi.’+ 16 U dan irid iservi bħala sinjal fuq idek u bħala strixxa fuq ġbinek bejn għajnejk,+ għaliex bis-saħħa taʼ idu Ġeħova ħariġna mill-Eġittu.”+
17 U ġara li, meta l-Fargħun bagħat lin-nies, Alla m’għaddihomx mit-triq li tagħti għall-art tal-Filistin sempliċement għaliex kienet qrib, għax Alla qal: “Għandu mnejn li l-poplu jiddispjaċih meta jara l-gwerra u jerġaʼ lura lejn l-Eġittu.”+ 18 Għaldaqstant, Alla ġiegħel lin-nies jiħduha bid-dawra mit-triq li tagħti għax-xagħri tal-Baħar l-Aħmar.+ U wlied Israel ħarġu mill-art taʼ l-Eġittu mqassmin għall-battalja.*+ 19 U Mosè ħa miegħu l-għadam taʼ Ġużeppi, għaliex dan kien ġiegħel lil ulied Israel jaħilfu solennement, u qalilhom: “Alla żgur li se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejkom,+ u tridu toħorġu għadmi minn hawnhekk magħkom.”+ 20 U telqu minn Sukkot u kkampjaw f’Etam f’tarf ix-xagħri.+
21 U Ġeħova għadda quddiemhom bi nhar f’kolonna tas-sħab sabiex imexxihom fit-triq,+ u bil-lejl f’kolonna tan-nar ħalli jagħtihom id-dawl biex jimxu bi nhar u bil-lejl.+ 22 Il-kolonna tas-sħab ma kinitx titlaq minn quddiem in-nies bi nhar u lanqas il-kolonna tan-nar bil-lejl.+