Numri
20 U wlied Israel, il-ġemgħa kollha kemm hi, waslu fix-xagħri taż-Żin+ fl-ewwel xahar, u n-nies bdew jgħammru f’Kades.+ Hemmhekk mietet Mirjam+ u hemmhekk difnuha.
2 Issa ma kienx hemm ilma għall-ġemgħa,+ u bdew jinġemgħu kontra Mosè u Aron.+ 3 U n-nies bdew jitlewmu+ maʼ Mosè u jgħidulu: “Mhux li mitna meta mietu ħutna quddiem Ġeħova!+ 4 U għala ġibtu l-kongregazzjoni taʼ Ġeħova f’dan ix-xagħri biex aħna u l-bhejjem tat-tagħbija tagħna mmutu hawnhekk?+ 5 U għala tellajtuna mill-Eġittu biex iġġibuna f’dan il-post mill-agħar?+ F’dan il-post la hawn żerriegħa, la tin, la dwieli, la rummien,+ u lanqas ilma x’nixorbu.” 6 Imbagħad Mosè u Aron telqu minn quddiem il-kongregazzjoni u marru ħdejn id-daħla tat-tinda tal-laqgħa u nxteħtu wiċċhom fl-art,+ u bdiet tidhrilhom il-glorja taʼ Ġeħova.+
7 U Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 8 “Ħu l-ħatar+ u iġbor il-ġemgħa flimkien, int u ħuk Aron, u kellmu lill-blata quddiem għajnejhom u din trid tagħti l-ilma tagħha; u int oħorġilhom l-ilma mill-blata u isqi lill-ġemgħa u lill-bhejjem tat-tagħbija tagħhom.”+
9 Għalhekk, Mosè ħa l-ħatar minn quddiem Ġeħova,+ sewwasew bħalma kien ikkmandah. 10 Imbagħad Mosè u Aron ġabru l-kongregazzjoni flimkien quddiem il-blata, u qalilhom: “Isimgħu, issa, ja ribelli!+ Minn din il-blata triduna noħorġulkom l-ilma?”+ 11 U Mosè għolla idu u ħabbat darbtejn bil-ħatar tiegħu fuq il-blata; u beda ħiereġ ħafna ilma, u l-ġemgħa u l-bhejjem tat-tagħbija tagħhom bdew jixorbu.+
12 Iktar tard Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Talli ma wrejtux il-fidi fija biex tqaddsuni+ quddiem għajnejn ulied Israel, m’intomx se ddaħħlu lil din il-kongregazzjoni fl-art li se nagħtihom.”+ 13 Dawn huma l-ilmijiet taʼ Meriba,+ għaliex ulied Israel tlewmu maʼ Ġeħova, u b’hekk tqaddes fosthom.
14 Għaldaqstant, Mosè bagħat xi messaġġiera minn Kades għand is-sultan t’Edom:+ “Hekk qal ħuk Israel,+ ‘Int taf tajjeb bit-tbatija kollha li ġiet fuqna.+ 15 U missirijietna niżlu l-Eġittu,+ u bqajna ngħammru l-Eġittu ħafna jiem;+ u l-Eġizzjani bdew jagħmlulna l-ħsara lilna u lil missirijietna.+ 16 Fl-aħħar għajjatna lil Ġeħova+ u hu semaʼ leħinna u bagħat anġlu+ u ħariġna mill-Eġittu; u hawn aħna f’Kades, belt f’tarf it-territorju tiegħek. 17 Jekk jogħġbok, ħa ngħaddu minn ġo artek. M’aħniex se ngħaddu minn ġo xi għalqa jew qasam tad-dwieli, u m’aħniex se nixorbu l-ilma minn xi bir. Minn triq is-sultan se ngħaddu.+ M’aħniex se nduru lejn il-lemin jew lejn ix-xellug,+ sakemm ngħaddu minn ġot-territorju tiegħek.’”
18 Madankollu, Edom qallu: “Tgħaddix minn ġo arti, li ma mmurx noħroġ niltaqaʼ miegħek bis-sejf.” 19 U wlied Israel qalulu: “Mit-triq ewlenija se nitilgħu; u jekk jien u l-bhejjem tiegħi nixorbu mill-ilma tiegħek, ibqaʼ ċert li nagħtik kemm jiswa.+ Ma rrid xejn iktar ħlief li ngħaddi bil-mixi.”+ 20 Qallu: “M’intix se tgħaddi.”+ U ħareġ Edom+ jiltaqaʼ miegħu b’kotra kbira ħafna u b’id b’saħħitha. 21 Għaldaqstant, Edom ma riedx iħalli lil Israel jgħaddi minn ġot-territorju tiegħu.+ B’hekk, Israel tbiegħed minnu.+
22 U wlied Israel, il-ġemgħa kollha kemm hi, telqu minn Kades+ u waslu ħdejn il-Muntanja Ħor.+ 23 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron biswit il-Muntanja Ħor qrib il-fruntiera taʼ l-art t’Edom: 24 “Aron se jinġabar maʼ niesu,+ għax mhux se jidħol fl-art li se nagħti lil ulied Israel, minħabba li intom irribellajtu kontra l-ordni tiegħi rigward l-ilmijiet taʼ Meriba.+ 25 Ħu lil Aron u lil ibnu Elegħażar u tellagħhom fuq il-Muntanja Ħor. 26 U lil Aron neżżagħlu ħwejġu,+ u libbishom lil ibnu Elegħażar;+ u Aron jinġabar u jmut hemmhekk.”+
27 Għalhekk, Mosè għamel sewwasew bħalma kien ikkmandah Ġeħova; u quddiem għajnejn il-ġemgħa kollha telgħu fuq il-Muntanja Ħor. 28 Imbagħad Mosè neżżaʼ l-ħwejjeġ lil Aron u libbishom lil ibnu Elegħażar, u mbagħad Aron miet hemmhekk fuq il-quċċata tal-muntanja.+ U Mosè u Elegħażar niżlu minn fuq il-muntanja. 29 U l-ġemgħa kollha rat li Aron kien miet, u d-dar kollha taʼ Israel baqgħet tibki lil Aron għal tletin jum.+