Ħosea
5 “Isimgħu dan, O qassisin,+ u oqogħdu attenti, O dar Israel, u intom, O dar is-sultan,+ agħtu widen, għax il-ġudizzju għandu x’jaqsam magħkom; għax sirtu nassa+ f’Mispa u bħal xibka mifruxa fuq it-Tabor.+ 2 U dawk li tbiegħdu minn dak li hu tajjeb involvew ruħhom sew fil-qtil,+ u jien widdibthom kollha.+ 3 Jien personalment kont naf lil Efrajm,+ u Israel ma kienx moħbi minni.+ Għax issa, O Efrajm, int ittrattajt lin-nisa li mort magħhom bħala prostituti;+ u Israel tniġġes.+ 4 L-aġir tagħhom ma jippermettilhomx jerġgħu lura lejn Alla tagħhom,+ għax hemm spirtu taʼ żína+ f’nofshom; u lil Ġeħova ma rrikonoxxewhx.+ 5 U l-kburija taʼ Israel xehdet kontrih stess;+ u Israel u Efrajm jitfixklu fl-iżball tagħhom stess.+ Ġuda wkoll tfixkel magħhom.+ 6 Huma fittxew lil Ġeħova bin-nagħaġ u l-baqar tagħhom, imma ma setgħux isibuh.+ Hu kien tbiegħed minnhom. 7 Maʼ Ġeħova huma aġixxew bi tradiment,+ għax saru missirijiet taʼ wlied stranġieri.+ F’xahar se jinbelgħu flimkien mal-proprjetà tagħhom.+
8 “Doqqu l-qarn+ f’Gibegħa,+ it-trumbetta f’Rama! Għajtu l-għajta tal-gwerra f’Bet-awen+—għal warajk, O Benjamin!+ 9 O Efrajm, f’jum iċ-ċanfira se ssir sempliċi oġġett taʼ stagħġib.+ Fost it-tribujiet taʼ Israel jien għarraft kliem taʼ min jafdah.+ 10 Il-prinċpijiet taʼ Ġuda saru sewwasew bħal dawk li jressqu lura t-trufijiet taʼ proprjetà.+ Fuqhom se nsawwab qillti bħall-ilma. 11 Efrajm maħqur, imfarrak b’ġustizzja,+ għax hu ssieħeb u mexa wara l-avversarju tiegħu.+ 12 U jien kont bħall-kamla+ għal Efrajm u bħal taħsir għal dar Ġuda.
13 “U Efrajm ra l-marda tiegħu, u Ġuda l-pjaga tiegħu.+ U Efrajm mar l-Assirja+ u bagħat għal sultan kbir.+ Imma dan ma kellux il-ħila jfejjaqkom,+ u ma setax ineħħilkom il-pjaga.+ 14 Għax jien se nkun bħal iljun fl-aqwa tiegħu għal Efrajm+ u bħal iljun b’saħħtu għal dar Ġuda. Jien, iva, jien stess se nqattagħhom biċċiet, u se mmur u nġorrhom ’l hemm, u ma jkun hemm ħadd li jeħlishom.+ 15 Se mmur u nerġaʼ lura lejn posti sakemm iġorru l-ħtija tagħhom;+ u se jfittxu lil wiċċi.+ Meta jkunu f’sitwazzjoni mwiegħra+ jfittxuni.”+