Ġeremija
16 U l-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi, tgħidli: 2 “La għandek tieħu lil xi ħadd b’martek, u lanqas m’għandu jkollok tfal subien u bniet f’dan il-post.+ 3 Għax hekk qal Ġeħova dwar l-ulied subien u l-ulied bniet li jitwieldu f’dan il-post, u dwar ommijiethom li qed jilduhom u missirijiethom li qed inissluhom f’dan il-pajjiż,+ 4 ‘B’mard qattiel imutu.+ Ma jibkuhomx,+ u lanqas jidfnuhom.+ Bħal demel fuq wiċċ l-art isiru;+ u bis-sejf u bil-ġuħ jintemmu,+ u l-iġsma mejtin tagħhom ikunu ikel għall-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet u għall-bhejjem taʼ l-art.’+
5 “Għax hekk qal Ġeħova, ‘Tidħolx f’dar b’festa tal-vistu għaddejja, u tmurx tibki magħhom u lanqas m’għandek tħoss għalihom.’+
“‘Għax jien neħħejt is-sliem tiegħi minn dan il-poplu,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u wkoll il-ħniniet u l-qalb tajba bl-imħabba.+ 6 U jmutu kemm il-kbar u kemm iż-żgħar f’dan il-pajjiż. Ma jindifnux,+ u lanqas ikun hemm min iħabbat fuq sidru għalihom, u min iqattaʼ ġismu+ jew iqaxxar xagħru qargħa għalihom.+ 7 U ma jagħtuhomx ħobż biex jitfarrġu min-niket tagħhom għall-mewt taʼ xi ħadd;+ u ma jnewlulhomx il-kies tal-faraġ biex jixorbu minħabba l-mewt tal-missier u l-mewt taʼ l-omm.+ 8 U int tidħolx f’dar fejn tkun qed issir xi ikla kbira u tpoġġix bil-qiegħda magħhom biex tiekol u tixrob.’+
9 “Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Ara, se nsikket f’dan il-post, quddiem għajnejkom u fi żmienkom, leħen il-ferħ u leħen l-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa.’+
10 “U jiġri li, meta tgħid dan il-kliem kollu lil dawn in-nies u huma jgħidulek, ‘Għala ddikjara kontrina dan il-gwaj kbir kollu Ġeħova, u x’inhu l-iżball tagħna u d-dnub li għamilna kontra Ġeħova Alla tagħna?’+ 11 int tgħidilhom, ‘“Għax missirijietkom telquni,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “u baqgħu jimxu wara allat oħrajn u jaqduhom u jmilu quddiemhom.+ U lili telquni, u l-liġi tiegħi ma ħarsuhiex.+ 12 U intom ġibtu ruħkom agħar minn missirijietkom,+ u issa kull wieħed minnkom qed jimxi wara l-ebusija+ taʼ qalbu l-ħażina għax m’intomx tobduni.+ 13 U jien nitfagħkom ’il barra minn dan il-pajjiż+ għal ġo pajjiż li la intom ma kontu tafuh+ u lanqas missirijietkom, u hemmhekk ikollkom taqdu allat oħrajn+ lejl u nhar, għax jien m’iniex se nurikom ħniena.”’
14 “‘Għalhekk, ara, ġej żmien,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘meta ma jintqalx iżjed: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova li ħareġ lil ulied Israel mill-art taʼ l-Eġittu!”+ 15 imma: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova li ħareġ lil ulied Israel mill-art tat-tramuntana u mill-artijiet kollha fejn xerridhom!” U jien żgur inġibhom lura lejn arthom, li tajt lil missirijiethom.’+
16 “‘Ara, qed nibgħat għal ħafna sajjieda,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u jmorru jistadu għalihom; u wara nibgħat għal ħafna kaċċaturi,+ u jmorru jikkaċċjawhom minn fuq kull muntanja u minn fuq kull għolja u mix-xquq tal-blat.+ 17 Għax għajnejja jaraw kulma jagħmlu. M’humiex moħbijin minni, u lanqas l-iżball tagħhom m’hu moħbi minn quddiem għajnejja.+ 18 U, qabel xejn, se nħallashom bis-sħiħ għall-iżball tagħhom+ u għal dnubhom, talli kasbruli arti.+ Imlew il-wirt tiegħi bil-katavri taʼ l-idoli moqżieża u mistkerrhin tagħhom.’”+
19 O Ġeħova, is-saħħa u l-fortizza tiegħi, u l-post li niġri fih meta nkun imnikket,+ lejk se jiġu l-ġnus minn truf l-art,+ u jgħidu: “Tabilħaqq, missirijietna ma wirtux ħlief gideb,+ frugħa u affarijiet li ma kienu t’ebda ġid.”+ 20 Jistaʼ l-bniedem jagħmel allat għalih meta m’huma allat xejn?+
21 “Għalhekk, arani, se nġegħelhom ikunu jafu; din id-darba se nġegħelhom ikunu jafu l-qawwa taʼ idi u s-setgħa tiegħi,+ u jkollhom ikunu jafu li ismi hu Ġeħova.”+