Marku
11 Issa, meta kienu qed joqorbu lejn Ġerusalemm, lejn Betfaġe u Betanja+ ħdejn il-Muntanja taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu+ 2 u qalilhom: “Morru fir-raħal li qed taraw quddiemkom, u malli tidħlu fih issibu felu marbut, li ebda bniedem għadu ma qagħad bil-qiegħda fuqu; ħolluh u ġibuh.+ 3 U jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Għala qed tagħmlu dan?’ għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnu, u ma jdumx ma jerġaʼ jibagħtu lura hawnhekk.’”+ 4 Għalhekk, telqu u sabu l-felu marbut barra ħdejn il-bieb, fit-triq tal-ġenb, u ħallewh.+ 5 Imma xi wħud minn dawk li kienu hemmhekk bdew jgħidulhom: “Għalfejn qed tħollu l-felu?”+ 6 Huma qalulhom bħalma kien qalilhom Ġesù; u dawn ħallewhom imorru.+
7 U ġabu l-felu+ għand Ġesù, u poġġewlu fuqu l-imnatar tagħhom, u hu qagħad bil-qiegħda fuqu.+ 8 Ukoll, ħafna firxu l-imnatar tagħhom+ fit-triq, imma oħrajn qatgħu xi friegħi bil-weraq+ mill-għelieqi.+ 9 U kemm dawk li kienu mexjin quddiem kif ukoll dawk li kienu mexjin wara bdew jgħajtu: “Salva, nitolbuk!+ Imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!+ 10 Imbierka s-saltna li ġejja taʼ David missierna!+ Salva, nitolbuk, fl-ogħla postijiet tas-smewwiet!” 11 U daħal Ġerusalemm, fit-tempju; u ħares lejn l-affarijiet kollha taʼ madwaru, u, peress li kien diġà tard, ħareġ mat-tnax lejn Betanja.+
12 L-għada, meta ħarġu minn Betanja, qabdu l-ġuħ.+ 13 U mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin li kellha l-weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif wasal ħdejha, ma sab xejn ħlief weraq, għax ma kienx l-istaġun tat-tin.+ 14 Għaldaqstant qalilha: “Ħa ma jiekol ħadd iktar frott minnek għal dejjem.”+ U d-dixxipli tiegħu kienu qed jisimgħuh.
15 Issa ġew Ġerusalemm. Hemmhekk daħal fit-tempju u beda jkeċċi ’l barra lil dawk li kienu qed ibigħu u jixtru fit-tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u l-bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem;+ 16 u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jgħaddi minn ġot-tempju, 17 imma hu baqaʼ jgħallem u jgħid: “M’huwiex miktub, ‘Dari tissejjaħ dar tat-talb+ għall-ġnus kollha’?+ Imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.”+ 18 U l-qassisin ewlenin u l-iskribi semgħu b’dan, u bdew jipprovaw jaraw kif jeqirduh;+ għax kienu jibżgħu minnu, peress li l-folla kollha kienet qed tiġi mbellha kontinwament bit-tagħlim tiegħu.+
19 U meta kien isir il-ħin, kienu joħorġu mill-belt. 20 Imma huma u għaddejjin kmieni fil-għodu, raw is-siġra tat-tin diġà niexfa mill-għeruq.+ 21 Għalhekk, Pietru ftakar u qallu: “Rabbi, ara! Is-siġra tat-tin li sħitt nixfet.”+ 22 U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Irid ikollkom fidi f’Alla. 23 Tassew ngħidilkom li kulmin jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefaʼ u nxteħet fil-baħar,’ u ma jiddubitax f’qalbu imma jkollu fidi li dak li jgħid se jseħħ, hekk iseħħlu.+ 24 Għalhekk ngħidilkom, Kulma tridu u titolbu għalih ħa jkollkom il-fidi li diġà qlajtuh, u tiħduh.+ 25 U meta tkunu weqfin titolbu, aħfru+ kulma għandkom kontra xi ħadd; sabiex Missierkom li hu fis-smewwiet ikun jistaʼ jaħfrilkom in-nuqqasijiet tagħkom.”+ 26* ——
27 U għal darb’oħra ġew Ġerusalemm. U waqt li kien miexi fit-tempju resqu lejh il-qassisin ewlenin u l-iskribi u x-xjuħ+ 28 u bdew jgħidulu: “Int b’liema awtorità tagħmlu dan? Jew min tak din l-awtorità biex tagħmel dan?”+ 29 Qalilhom Ġesù: “Nagħmlilkom mistoqsija waħda. Wiġbuhieli, u jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.+ 30 Il-magħmudija+ taʼ Ġwanni kienet mis-sema jew mill-bnedmin? Wiġbuni.”+ 31 Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk ngħidulu, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għala m’emmintuhx?’+ 32 Imma ħa nissograw ngħidulu, ‘Mill-bnedmin’?”—Huma kienu jibżgħu mill-folla, għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni veru kien profeta.+ 33 Għalhekk, wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” U Ġesù qalilhom: “Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.”+