Luqa
14 U darba minnhom, meta daħal għand wieħed mill-ħakkiema tal-Fariżej f’jum is-Sabat biex jiekol,+ huma kienu għassa tiegħu.+ 2 U, ara! Kien hemm quddiemu wieħed raġel marid bl-idropsija.* 3 Għaldaqstant, Ġesù kellem lill-Fariżej u lil dawk li kienu jafu l-Liġi u staqsiehom: “Skond il-liġi, tistaʼ tfejjaq f’jum is-Sabat jew le?”+ 4 Imma huma baqgħu siekta. Għal dan, qabad lir-raġel, fejqu u bagħtu. 5 U qalilhom: “Min minnkom, jekk jaqagħlu ibnu jew il-barri tiegħu ġo bir,+ ma jtellgħux minnufih f’jum is-Sabat?”+ 6 U ma kellhomx il-ħila jirrisponduh għal dan.+
7 Imbagħad, billi nnota kif il-mistidnin kienu qed jagħżlu l-iktar postijiet prominenti għalihom infushom,+ qalilhom din it-tixbiha: 8 “Meta tkun mistieden għal festa tat-tieġ, tintefax fl-iktar post prominenti.+ Għandu mnejn dakinhar ikun ġie mistieden ukoll xi ħadd iktar distint minnek, 9 u dak li stidinkom jiġi u jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan ir-raġel.’ U mbagħad int titlaq bil-mistħija biex toqgħod fl-aħħar post.+ 10 Imma meta tkun mistieden, mur oqgħod fl-aħħar post,+ biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itlaʼ iktar ’il fuq.’ Imbagħad int tiġi onorat quddiem il-mistidnin l-oħrajn kollha.+ 11 Għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat u min jumilja ruħu jitgħolla.”+
12 Wara dan, qal ukoll lil dak li stiednu: “Meta tagħmel pranzu jew ikla taʼ fil-għaxija, tistidinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek jew lil ġirien għonja. Għandu mnejn xi darba dawn ukoll jistidnuk, u b’hekk ikunu qed ipattulek. 13 Imma meta tagħmel festa, stieden lill-foqra, lill-magħtubin, liz-zopop, lill-għomja;+ 14 u tkun hieni, għax dawn m’għandhomx biex ipattulek. Imma jitpattielek fl-irxoxt+ tan-nies sewwa.”
15 Meta semaʼ dan, wieħed mill-mistidnin l-oħrajn qallu: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-saltna t’Alla.”+
16 Qallu Ġesù: “Wieħed raġel kien se jagħmel ikla kbira taʼ fil-għaxija, u stieden lil ħafna.+ 17 U x’ħin sar il-ħin għall-ikla bagħat lill-ilsir tiegħu biex jgħid lill-mistidnin, ‘Ejjew,+ għax issa kollox lest.’ 18 Imma lkoll kemm huma bdew iġibu l-iskużi.+ L-ewwel wieħed qallu, ‘Xtrajt għalqa u għandi bżonn immur naraha; nitolbok tiskużani.’+ 19 U ieħor qallu, ‘Xtrajt ħames pari barrin u sejjer nipprovahom; nitolbok tiskużani.’+ 20 Jerġaʼ ieħor qallu, ‘Għadni kif iżżewwiġt+ mara u għal din ir-raġuni ma nistax niġi.’ 21 Għalhekk, l-ilsir ġie u qal dan lil sidu. Imbagħad is-sid irrabja u qal lill-ilsir tiegħu, ‘Oħroġ malajr fit-toroq prinċipali u fl-isqaqien tal-belt, u ġib hawn ġew il-foqra, il-magħtubin, l-għomja, u z-zopop.’+ 22 Għadda l-ħin, u l-ilsir qallu, ‘Sidi, dak li ordnajt sar u xorta għad hemm il-wisaʼ.’ 23 U s-sid qal lill-ilsir, ‘Oħroġ fit-toroq+ u fil-mogħdijiet, u ġiegħel lin-nies jidħlu, biex dari timtela.+ 24 Għax ngħidilkom, Ħadd minn dawk li kienu mistidnin ma jduq l-ikla tiegħi.’”+
25 Issa folol kbar kienu qed jivvjaġġaw miegħu, u dar u qalilhom: 26 “Jekk xi ħadd jiġi għandi u ma jobgħodx lil missieru u lil ommu u lil martu u lil uliedu u lil ħutu subien u bniet, iva, u saħansitra lil ruħu stess,+ ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.+ 27 Kulmin ma jġorrx iz-zokk tat-tortura tiegħu u ma jiġix warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.+ 28 Per eżempju, min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jikkalkula l-ispejjeż,+ biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih? 29 Inkella għandu mnejn iqiegħed il-pedament imma ma jkunx jistaʼ jlestih, u dawk kollha li jarawh jibdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt u 30 jgħidu, ‘Dan ir-raġel beda jibni imma ma kienx kapaċi jlesti.’ 31 Jew liema sultan, li jkun qed jimmarċja biex jiggwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jieħu parir biex jara jekk hux kapaċi b’għaxart elef suldat jiħodha maʼ dak li jiġi kontrih b’għoxrin elf?+ 32 Fil-fatt, jekk ma jistax, allura, waqt li l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, hu jibgħat ġemgħa t’ambaxxaturi biex jappella għall-paċi.+ 33 B’hekk, ibqgħu ċerti li ħadd minnkom ma jistaʼ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx dak kollu li għandu.+
34 “Ċertament, il-melħ hu eċċellenti. Imma jekk il-melħ jitlef it-togħma tiegħu, biex jitħawwar?+ 35 La hu tajjeb għall-ħamrija u lanqas għad-demel; tajjeb biss biex jintrema barra. Min għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+