Dewteronomju
17 “Lil Ġeħova Alla tiegħek toffrilux bħala sagrifiċċju barri jew nagħġa li jkun hemm difett fiha, xi ħaġa ħażina; għax din hi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova Alla tiegħek.+
2 “Jekk jinstab xi ħadd f’nofsok, f’xi waħda mill-bliet tiegħek li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek, raġel jew mara, li jipprattika dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova Alla tiegħek, u b’hekk jikser il-patt tiegħu,+ 3 u jmur iqim lil allat oħrajn u jmil quddiemhom jew quddiem ix-xemx jew il-qamar jew l-armata kollha tas-smewwiet,+ xi ħaġa li jien ma kkmandajtx,+ 4 u jgħidulek b’dan u tkun smajt bih u fittixt bir-reqqa, u, ara, din il-ħaġa tiġi stabbilita bħala l-verità,+ li din il-ħaġa mistkerrha tkun saret f’Israel, 5 oħroġ ’il barra minn bwiebek lil dan ir-raġel, jew lil din il-mara, li jkun għamel din il-ħaġa ħażina, iva, raġel jew mara, u ħaġġru bil-ġebel sakemm imut.+ 6 Dak li jkun se jmut għandu jingħata l-mewt minn fomm żewġ xhieda jew tlieta.+ Ma jingħatax il-mewt minn fomm xhud wieħed.+ 7 Ix-xhieda għandhom ikunu l-ewwel li jerfgħu idhom fuqu biex joqtluh, u mbagħad il-poplu kollu;+ u int trid teqred il-ħażen minn ġo nofsok.+
8 “Jekk xi kwistjoni li trid tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja dwarha tkun straordinarja wisq għalik,+ kwistjoni li fiha jkun inxtered id-demm,+ u li fiha tkun infetħet kawża legali,+ jew sar xi għemil vjolenti, kwistjonijiet li fihom ma jkunx hemm qbil,+ ’il ġewwa minn bwiebek, qum u itlaʼ lejn il-post li jagħżel Ġeħova Alla tiegħek,+ 9 u mur għand il-qassisin,+ il-Leviti, u għand l-imħallef+ li jkun qed jaqdi dak iż-żmien, u staqsihom, u jagħtuk il-kelma tad-deċiżjoni ġudizzjarja.+ 10 Imbagħad agħmel skond il-kelma li jagħtuk minn dak il-post li jagħżel Ġeħova; u qis li tagħmel skond kulma jgħidulek. 11 Għandek tagħmel+ skond il-liġi li jindikawlek, u skond id-deċiżjoni ġudizzjarja li jgħidulek. Titwarrabx mill-kelma li jagħtuk, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug.+ 12 U r-raġel li jkun prużuntuż u ma jagħtix widen lill-qassis, li jkun qed jaqdi hemmhekk lil Ġeħova Alla tiegħek, jew lill-imħallef,+ dan ir-raġel għandu jmut;+ u trid teqred il-ħażen minn Israel.+ 13 U n-nies kollha jisimgħu u jibżgħu,+ u ma jkunux prużuntużi iktar.
14 “Meta fl-aħħar tidħol fl-art li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek, u tkun ħadtha f’idejk u għammart fiha,+ u tgħid, ‘Ħa nagħmel sultan fuqi bħall-ġnus kollha taʼ madwari’;+ 15 qis li tagħmel fuqek sultan li jagħżel Ġeħova Alla tiegħek.+ Minn fost ħutek għandek tagħmel sultan fuqek. Ma tistax tqiegħed fuqek barrani li m’huwiex ħuk. 16 Biss hu m’għandux ikollu ħafna żwiemel,+ lanqas iġiegħel lin-nies imorru lura l-Eġittu sabiex ikollhom ħafna żwiemel;+ filwaqt li Ġeħova qalilkom, ‘Qatt m’għandkom tmorru lura minn din it-triq.’ 17 M’għandux ikollu ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx minni;+ lanqas m’għandu jkollu wisq fidda u deheb.+ 18 U jrid iseħħ li meta joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron taʼ saltnatu, irid jikteb fi ktieb kopja taʼ din il-liġi għalih innifsu minn fuq dik li hemm għand il-qassisin, il-Leviti.+
19 “U tibqaʼ għandu, u jrid jaqra minnha l-jiem kollha taʼ ħajtu,+ sabiex jitgħallem jibżaʼ minn Ġeħova Alla tiegħu, u b’hekk iħares il-kliem kollu taʼ din il-liġi u dawn ir-regolamenti billi jagħmilhom;+ 20 sabiex qalbu ma titkabbarx fuq ħutu+ u biex ma jitwarrabx mill-kmandamenti la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug,+ u b’hekk itawwal jiemu fuq is-saltna tiegħu,+ hu u wliedu f’nofs Israel.