Ġeremija
9 O li kieku rasi kienet ilma, u għajnejja nixxiegħa taʼ dmugħ!+ Kieku lejl u nhar kont inkun nistaʼ nibki għall-maqtulin taʼ bint il-poplu tiegħi.+
2 O li kieku kelli post fejn noqgħod fix-xagħri bħal min jivvjaġġa!+ Kieku, kont inħalli lill-poplu tiegħi u nitbiegħed minnhom, għax huma lkoll adulteri,+ ġemgħa taʼ tradituri;+ 3 u bil-gideb jgħawġu lsienhom bħal qaws.+ Fil-pajjiż ma kinux magħrufin għall-fedeltà tagħhom.
“Minn ħażen għal ħażen marru, u lili ma tawx kasi,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
4 “Ħa joqgħod attent kull wieħed minnkom minn sieħbu stess,+ u lanqas lil ħukom m’għandkom tafdaw.+ Għax żgur li anki l-aħwa jkunu lesti jieħdu post xulxin bil-qerq,+ u kull ħabib jaġixxi bħal kalunnjatur,+ 5 u kull wieħed jibqaʼ jwaqqaʼ għaċ-ċajt lil sieħbu;+ u ħadd minnhom ma jgħid il-verità. Lil ilsienhom għallmuh jgħid il-gideb.+ Għejjew lilhom infushom jagħmlu l-ħażen.+
6 “Int qiegħed bil-qiegħda f’nofs il-qerq.+ Minħabba l-qerq ma ridux ikunu jafuni,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
7 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: “Ara, qed indewwibhom fin-nar, u rrid niflihom,+ għax nistaʼ jien nagħmel mod ieħor maʼ bint il-poplu tiegħi?+ 8 Ilsienhom vleġġa qattiela.+ Qerq jgħid. B’fommu, wieħed jitkellem maʼ sieħbu bil-paċi; imma mbagħad f’qalbu jlestilu nasba.”+
9 “M’għandix jien nitlob kont minnhom minħabba dawn l-affarijiet?” hija l-kelma taʼ Ġeħova. “Jew m’għandhiex ruħi titħallas minn ġens bħal dan?+ 10 Għall-muntanji nibki u nnewwaħ,+ u għall-mergħat tax-xagħri ngħanni għanja taʼ niket; għax se jinħarqu+ u ħadd ma jgħaddi minnhom u n-nies ma jisimgħux iktar il-ħoss taʼ l-imrieħel.+ Kemm il-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet u kemm il-bhejjem ikunu ħarbu, għosfru.+ 11 U lil Ġerusalemm nagħmilha borġ ġebel,+ il-bejta tax-xakalli;+ u l-bliet taʼ Ġuda nagħmilhom art abbandunata, mingħajr abitanti.+
12 “Min hu dak ir-raġel għaref li jistaʼ jifhem dan, dak li fomm Ġeħova qallu x’jgħid?+ Għalfejn għandu jinqered il-pajjiż, jinħaraq bħax-xagħri biex ħadd ma jgħaddi minnu?”+
13 U Ġeħova qal: “Minħabba li telqu l-liġi tiegħi, li tajthom biex tkun quddiemhom, u minħabba li m’obdewx minn leħni u ma mxewx magħha,+ 14 imma baqgħu jimxu wara l-ebusija taʼ qalbhom+ u wara x-xbihat taʼ Bagħal,+ li għallmuhom dwarhom missirijiethom;+ 15 hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Ara, lin-nies taʼ dan il-poplu se nitmagħhom pjanta morra,*+ u nagħtihom jixorbu ilma vvelenat;+ 16 u nxerridhom fost il-ġnus li la huma u lanqas missirijiethom ma kienu jafuhom,+ u nibagħtilhom warajhom is-sejf sa ma nkun qridthom għalkollox.’+
17 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, ‘Uru li qed tifhmu, u sejħu lin-nisa li jgħannu l-għanjiet taʼ niket,+ sabiex jiġu; u ibagħtu wkoll għan-nisa tas-sengħa, sabiex jiġu huma wkoll,+ 18 ħa jgħaġġlu u jgħannulna għanja taʼ tinwiħ. U d-dmugħ jinżel minn għajnejna u dawn isiru jleqqu bl-ilma li jgelgel minnhom.+ 19 Għax minn Sijon instemaʼ l-ħoss tat-tinwiħ:+ “Kif ġejna rovinati!+ Kemm stħajna! Kellna nitilqu mill-pajjiż, għax ġarrfulna djarna.”+ 20 Imma isimgħu, O nisa, il-kelma taʼ Ġeħova, u ħa jilqgħu widnejkom il-kelma taʼ fommu. Imbagħad għallmu lill-bniet tagħkom għanja taʼ tinwiħ,+ u kull mara tgħallem lil seħbitha għanja taʼ niket.+ 21 Għax il-mewt daħlet mit-twieqi tagħna; daħlet fit-torrijiet fejn ngħammru, sabiex teqred lit-tfal mit-toroq, liż-żgħażagħ mill-pjazez.’+
22 “Għid, ‘Din hija l-kelma taʼ Ġeħova: “L-iġsma mejtin tal-bnedmin jaqgħu bħal demel fuq wiċċ ir-rabaʼ u bħal ringiela qmuħ li jkunu għadhom kif inqatgħu u jitħallew mill-ħassâd bla ma jinġabru minn ħadd.”’”+
23 Hekk qal Ġeħova: “Ħa ma jiftaħarx l-għaref bl-għerf tiegħu,+ u ħa ma jiftaħarx is-setgħan bis-setgħa tiegħu.+ Ħa ma jiftaħarx l-għani bl-għana tiegħu.”+
24 “Imma min jiftaħar ħa jiftaħar b’dan: li jifhimni+ u għandu l-għarfien dwari, li jien Ġeħova,+ Dak li juri l-qalb tajba bl-imħabba, il-ġustizzja u s-sewwa fuq l-art;+ għax b’dawn l-affarijiet nitgħaxxaq,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
25 “Ara! Ġej żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “meta nitlob kont minn kulmin hu ċirkonċiż imma m’huwiex ċirkonċiż tassew,+ 26 mill-Eġittu,+ minn Ġuda,+ minn Edom,+ minn ulied Għammon,+ minn Mowab,+ u minn dawk kollha li jqaxxru xagħar ngħashom u li jgħixu fix-xagħri;+ għax l-ebda ġens m’hu ċirkonċiż, u ħadd minn dar Israel m’hu ċirkonċiż f’qalbu.”+