Talba taʼ min ikun qed isofri, li meta jħossu dgħajjef ikun irid jesprimi maʼ Ġeħova dak li jkun qed jinkwetah.+
102 O Ġeħova, ismaʼ talbi;+
U ħa tasal għandek l-għajta tiegħi għall-għajnuna.+
2 Taħbix wiċċek minni dakinhar li nsib ruħi f’sitwazzjoni mwiegħra.+
Mejjel widintek lejja;+
Meta nsejjaħlek, fittex wiġibni.+
3 Għax jiemi ntemmew bħad-duħħan,+
U għadmi jaqbad bħal ħuġġieġa nar.+
4 Qalbi ntlaqtet u nixfet bħall-ħaxix,+
Għax insejt niekol l-ikel tiegħi.+
5 Minħabba t-tnehid tiegħi+
Għadmi weħel maʼ ġildi.+
6 Qisni l-pellikan tax-xagħri.+
Sirt qisni kokka ċkejkna tal-postijiet abbandunati.
7 Jien għolobt għall-aħħar,
U sirt qisni għasfur waħdu fuq bejt.+
8 L-għedewwa tiegħi maqdruni l-jum kollu.+
Dawk li jiddieħqu bija użaw ismi biex jaħilfu u jisħtu.+
9 Għax jien kilt l-irmied bħallikieku ħobż;+
U x-xorb tiegħi ħallattu bil-biki,+
10 Minħabba l-kundanna u l-għadab tiegħek;+
Għax int għollejtni, biex tarmini.+
11 Jiemi huma bħal dell li batta,+
U jien inxift bħall-ħaxix.+
12 Imma int, O Ġeħova, tibqaʼ għal dejjem,+
U t-tifkira tiegħek tkun minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+
13 Int se tqum, se jkollok ħniena minn Sijon,+
Għax huwa l-istaġun li tħenn għaliha,
U wasal iż-żmien stabbilit.+
14 Għax il-qaddejja tiegħek jitgħaxxqu bil-ġebel tagħha,+
U t-trab tagħha jgħożżuh.+
15 Se jibżgħu l-ġnus minn isem Ġeħova,+
U s-slaten kollha taʼ l-art mill-glorja tiegħek.+
16 Għax Ġeħova se jibni lil Sijon;+
Se jidher fil-glorja tiegħu.+
17 Hu se jdur lejn it-talba taʼ dawk imneżżgħin minn kollox,+
U t-talba tagħhom ma jistmerrhiex.+
18 Dan miktub għall-ġenerazzjoni tal-futur;+
U l-poplu li għad irid jinħoloq se jfaħħar lil Jah.+
19 Għax hu ħares ’l isfel mill-post qaddis tiegħu fl-għoli,+
Mis-smewwiet Ġeħova ttawwal lejn l-art,+
20 Biex jismaʼ t-tnehid tal-priġunier,+
U jħoll lil dawk li qatgħuhielhom għall-mewt;+
21 Biex l-isem taʼ Ġeħova jiġi dikjarat f’Sijon+
U t-tifħir tiegħu f’Ġerusalemm,+
22 Meta jinġabru lkoll flimkien il-popli+
U s-saltniet biex jaqdu lil Ġeħova.+
23 F’nofs it-triq, hu dgħajjef il-qawwa tiegħi,+
Qassarli jiemi.+
24 Jien għedt: “O Alla tiegħi,
Tneħħinix f’nofs żmieni;+
Sninek huma għall-ġenerazzjonijiet kollha.+
25 Żmien twil ilu int qegħedt is-sisien taʼ l-art,+
U s-smewwiet huma għemil idejk.+
26 Dawn jgħibu, imma int innifsek tibqaʼ wieqaf;+
U bħal libsa lkoll jitmermru.+
Bħall-ħwejjeġ int tibdilhom, u huma jtemmu żmienhom.+
27 Imma int tibqaʼ l-istess, u sninek ma jintemmux.+
28 Ulied il-qaddejja tiegħek se jkomplu jgħammru fejn qegħdin;+
U nisilhom jibqaʼ stabbilit fis-sod quddiemek.”+