Ġeremija
6 Stkennu, O wlied Benjamin, aħarbu minn ġo nofs Ġerusalemm; doqqu l-qarn+ f’Tekogħa.+ U għollu sinjal tan-nar fuq Bet-ħakkerem;+ għax tfaċċa l-gwaj mit-tramuntana, iva, tiġrif kbir.+ 2 Bint Sijon kienet tixbah lil mara sabiħa u mfissda.+ 3 Ir-rgħajja u l-imrieħel tagħhom ġew għaliha. Kontriha waqqfu t-tined tagħhom dawramejt.+ U kienu jirgħu l-imrieħel tagħhom, kull wieħed fil-mergħa tiegħu.+ 4 Huma tħejjew għall-gwerra* kontriha:+ “Qumu, u ħa nitilgħu f’nofsinhar!”+
“Gwaj għalina, għax il-jum wasal biex jintemm, u d-dellijiet taʼ fil-għaxija qed ikomplu jitwalu!”
5 “Qumu, u ħa nitilgħu matul il-lejl u neqirdulha t-torrijiet mgħammrin tagħha.”+
6 Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: “Aqtgħu l-injam+ u tellgħu rampa għall-assedju kontra Ġerusalemm.+ Din hi l-belt li jrid jintalab kont minnha.+ M’hemm xejn għajr moħqrija f’nofsha.+ 7 Bħalma ġiebja żżomm l-ilma tagħha frisk, hekk hi żżomm frisk il-ħażen tagħha. Vjolenza u tħarbit jinstemgħu fiha;+ il-ħin kollu nara mard u pesti quddiem wiċċi. 8 Ħalli lil min jikkoreġik,+ O Ġerusalemm, sabiex ruħi ma twarrabx minnek diżgustata;+ sabiex ma nagħmlekx art abbandunata, pajjiż li ma jgħammar fih ħadd.”+
9 Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: “Bla dubju se jlaqqtu l-fdal taʼ Israel bħal dielja.+ Erġaʼ midd idek fuq ir-rimjiet irqaq tad-dielja bħal wieħed li qed jaqtaʼ l-għeneb.”
10 “Lil min se nkellem u nwissi, sabiex jismagħni? Ara! Widnejhom m’humiex ċirkonċiżi, u b’hekk ma jistgħux jagħtu widen.+ Ara! Il-kelma taʼ Ġeħova saret xi ħaġa taʼ żebliħ għalihom,+ u ma jsibu l-ebda għaxqa fiha.+ 11 U jien imtlejt bil-korla taʼ Ġeħova. Għejejt inżomm ġo fija.”+
“Ferragħha fl-istess ħin fuq it-tifel fit-triq+ u fuq il-ġemgħa taʼ ħbieb żgħażagħ; għax huma wkoll se jinqabdu, raġel flimkien maʼ martu, xiħ flimkien maʼ wieħed mimli bl-għomor.+ 12 U djarhom jaqgħu f’idejn ħaddieħor, flimkien maʼ l-għelieqi u n-nisa tagħhom.+ Għax se mmidd idi kontra dawk li jgħammru fil-pajjiż,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.+
13 “Għax ilkoll kemm huma, mill-iżgħar sa l-akbar wieħed, qed jagħmlu qligħ inġust għalihom infushom;+ u mill-profeta sal-qassis, ilkoll qed jaġixxu bil-qerq.+ 14 U huma jipprovaw ifejqu ħafif ħafif lill-poplu tiegħi mill-ġerħa tiegħu,+ billi jgħidu, ‘Hemm il-paċi! Hemm il-paċi!’ meta m’hemm l-ebda paċi.+ 15 Stħaw huma għax dak li għamlu kien mistkerrah?+ L-ewwelnett, huma assolutament ma jistħu minn xejn; u iżjed minn hekk, lanqas biss tgħallmu kif iħossuhom umiljati.+ Għaldaqstant, huma għad jaqgħu fost dawk li qed jaqgħu;+ jitfixklu meta jasal iż-żmien li nitlob kont minnhom,” qal Ġeħova.
16 Hekk qal Ġeħova: “Ieqfu fit-toroq, u araw, u staqsu għall-mogħdijiet taʼ żmien twil ilu, fejn hemm it-triq it-tajba;+ u imxu fiha,+ u sibu l-mistrieħ għal ruħkom.”+ Imma huma baqgħu jgħidu: “Ma rridux nimxu fiha.”+ 17 “U qegħedt fuqkom għassiesa,+ ‘Oqogħdu attenti għall-ħoss tal-qarn!’”+ Imma huma baqgħu jgħidu: “Ma rridux noqogħdu attenti.”+ 18 “Għalhekk, isimgħu, O ġnus! U kun af, O ġemgħa, x’se jiġrilhom. 19 Ismaʼ, O art! Ara, se nġib gwaj fuq dan il-poplu+ bħala l-frott taʼ ħsibijiethom,+ għax huma ma qagħdux attenti għal kliemi; u l-liġi tiegħi baqgħu jwarrbuha wkoll.”+
20 “X’jimporta għalija li ġġibu l-inċens abjad minn Xeba+ u l-qasab aromatiku minn pajjiż fil-bogħod? L-offerti sħaħ tal-ħruq li tagħmlu ma niħux gost bihom,+ u s-sagrifiċċji tagħkom ma tgħaxxaqtx bihom.”+ 21 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova: “Ara, se nqiegħed tfixkil għal dan il-poplu,+ u huma jitfixklu fih, il-missirijiet flimkien maʼ l-ulied; il-ġâr u sieħbu—dawn se jgħibu.”+
22 Hekk qal Ġeħova: “Ara! Ġej poplu mill-pajjiż tat-tramuntana, u hemm ġens kbir li se jitqajjem mill-iktar partijiet imbegħdin taʼ l-art.+ 23 In-nies taʼ dan il-ġens jaqbdu l-qaws u l-lanza.*+ Huma kefrin, u ma tiġihom l-ebda ħasra. Leħinhom se jgħajjat bħall-baħar,+ u jiġu rekbin fuq iż-żwiemel.+ Ħadu posthom għall-battalja kontrik bħal gwerriera, O bint Sijon.”+
24 Smajna r-rapport dwar dan. Idejna ntelqu.+ Ħakimna n-niket, uġigħ tal-ħlas bħal taʼ mara li qed tiled.+ 25 Toħroġx fl-għalqa, u timxix fit-triq; għax hemm is-sejf taʼ l-għadu, hemm biżaʼ kullimkien.+ 26 O bint il-poplu tiegħi, tħażżem bl-ilbies taʼ l-ixkora+ u tmiegħek fl-irmied.+ Tnikket bħallikieku għall-uniku iben, bi lfiq taʼ mrar;+ għax dak li se jħarbatna jiġi fuqna f’daqqa waħda.+
27 “Għamiltek fost il-poplu tiegħi bħal wieħed li jeżamina l-metalli, wieħed li jfittex bir-reqqa; u trid toqgħod attent u teżamina triqithom.+ 28 Ilkoll kemm huma nies mill-iktar stinati,+ jaġixxu bħal kalunnjaturi+—huma bħal ram aħmar u ħadid. Ilkoll kemm huma jġibu rovina.+ 29 Il-minfaħ+ inħaraq, imma min-nar li jipproduċi ħareġ iċ-ċomb.+ Wieħed baqaʼ jirfina bir-reqqa għalxejn, għax il-ħżiena ma ġewx mifrudin.+ 30 In-nies se jsejħulhom fidda mwarrba,+ għax Ġeħova warrabhom.”+