Isaija
28 Gwaj għall-kuruna prominenti tas-sakranazzi t’Efrajm.+ Din il-girlanda sabiħa hi biss fjura li qed tidbiel, milbusa mill-belt li tinsab ’il fuq mill-wied fertili fejn jgħixu dawk li jiħodhom l-inbid! 2 Ara! Ġeħova għandu lil xi ħadd b’saħħtu u mimli enerġija.+ Bħal maltempata bir-ragħad u s-silġ,+ maltempata qerrieda, bħal maltempata bir-ragħad u ilmijiet qawwijin li jgħarrqu,+ hu se jsabbatha maʼ l-art bil-forza. 3 Il-kuruni prominenti tas-sakranazzi t’Efrajm se jitgħaffġu+ taħt is-saqajn. 4 U l-fjura li qed tidbiel+ tal-girlanda sabiħa, milbusa mill-belt li tinsab ’il fuq mill-wied fertili, trid issir bħat-tina bikrija+ qabel is-sajf, li, meta wieħed jaraha, lanqas tkun laħqet ġiet f’idu li ma jiblagħhiex.
5 F’dak il-jum Ġeħova taʼ l-armati se jsir bħal kuruna mżejna+ u bħal girlanda sabiħa+ għal dawk li jifdal+ mill-poplu tiegħu, 6 u bħal spirtu taʼ ġustizzja għal dak li joqgħod bil-qiegħda biex jiġġudika,+ u bħal setgħa għal dawk li qed ibiegħdu l-battalja mill-bieb.+
7 U dawn ukoll—minħabba l-inbid żvijaw u minħabba x-xorb li jsakkar iġġerrew ’l hemm u ’l hawn. Il-qassis u l-profeta+ żvijaw minħabba x-xorb li jsakkar, tħawdu bl-inbid, iġġerrew+ ’l hemm u ’l hawn bix-xorb li jsakkar; żvijaw u ma baqgħux jaraw viżjonijiet, ixxenglu huma u jieħdu d-deċiżjonijiet. 8 Għax l-imwejjed imtlew bil-vomtu moqżież+—m’hemm ebda post mingħajru.
9 “Lil min se jgħallem fl-għarfien,+ u lil min se jfiehem dak li nstemaʼ?+ Lil dawk li qatgħu l-ħalib, lil dawk imwarrbin minn sider ommhom?+ 10 Għax ‘kmand fuq kmand, kmand fuq kmand, ħabel tal-kejl fuq ħabel tal-kejl, ħabel tal-kejl fuq ħabel tal-kejl, ftit hawnhekk, ftit hemmhekk.’”*+ 11 Għax ikellem lil dan il-poplu+ permezz taʼ nies li jtemtmu b’xofftejhom+ u li għandhom ilsien differenti,+ 12 lill-poplu li qallu: “Dan hu l-post taʼ mistrieħ. Serraħ lill-għajjien. U dan hu l-post taʼ serħan,” imma li ma kienx lest jismaʼ.+ 13 U għalihom il-kelma taʼ Ġeħova ċertament li se ssir “kmand fuq kmand, kmand fuq kmand, ħabel tal-kejl fuq ħabel tal-kejl, ħabel tal-kejl fuq ħabel tal-kejl,+ ftit hawnhekk, ftit hemmhekk,” sabiex imorru u jaqgħu b’lura u jitkissru u jidħlu f’nassa u jinqabdu.+
14 Għalhekk, isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova, ja fanfaruni, ħakkiema+ taʼ dan il-poplu li qegħdin f’Ġerusalemm: 15 Talli għedtu: “Għamilna patt mal-Mewt;+ u mal-Qabar* kellna viżjoni;+ id-dilluvju kbir, jekk jgħaddi minn hawn, ma jiġix għalina, għax stkennejna+ f’gidba u fil-qerq inħbejna”;+ 16 għaldaqstant, hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ara, qed inqiegħed bħala pedament f’Sijon+ ġebla,+ ġebla provata,+ il-ġebla tax-xewka prezzjuża+ taʼ pedament fiż-żgur.+ Ħadd minn dawk li jeżerċitaw il-fidi fiha ma se jaħkmu l-paniku.+ 17 U se nagħmel il-ġustizzja l-ħabel tal-kejl+ u s-sewwa+ l-invell; u s-silġ+ irid jiknes il-kenn tal-gidba,+ u l-ilmijiet se jgħarrqu l-moħba.+ 18 U l-patt tagħkom mal-Mewt se jdub,+ u dik il-viżjoni li kellkom mal-Qabar ma treġix.+ Id-dilluvju kbir, meta jgħaddi,+ se jgħaffiġkom.+ 19 Kull darba li jgħaddi, se jiħodkom miegħu,+ għax se jgħaddi kull fil-għodu, bi nhar u bil-lejl; u dan ikun biss biex jikkaġuna l-biżaʼ+ ħalli l-oħrajn jifhmu dak li nstemaʼ.”
20 Għax is-sodda hi qasira wisq biex wieħed joqgħod mimdud fuqha, u l-liżar minsuġ hu dejjaq wisq biex wieħed jitkebbeb fih. 21 Għax Ġeħova se jqum bħal fuq il-Muntanja Perasim,+ se jitqanqal bħal fil-pjanura l-baxxa qrib Gibegħon,+ biex jagħmel għemilu—għemilu huwa stramb—u biex jagħmel ix-xogħol tiegħu—xogħlu m’huwiex tas-soltu.+ 22 U issa twaqqgħux kollox għaċ-ċajt,+ sabiex l-irbit tagħkom ma jissaħħaħx, għax għall-art+ kollha hemm qerda totali, iva, xi ħaġa deċiża, li jien smajt dwarha mingħand il-Mulej Sovran,+ Ġeħova taʼ l-armati.
23 Agħtu widen, u isimgħu leħni; oqogħdu attenti u isimgħu x’qed ngħid. 24 Jaqaw min jaħrat jibqaʼ jaħrat il-jum kollu+ sabiex jiżraʼ ż-żerriegħa, u jikser u jwitti l-ħamrija taʼ l-art tiegħu?+ 25 Meta jkun wittielha l-wiċċ, ma jxerridx hu l-kemmun iswed u jraxxax il-kemmun,+ u ma jridx hu jitfaʼ l-qamħ, il-millieġ,+ u x-xgħir fil-post magħżul tagħhom,+ u l-ispelta*+ fit-trufijiet taʼ l-art tiegħu?+ 26 U jiġi koreġut+ skond dak li hu sewwa. Alla tiegħu stess jistruwih.+ 27 Għax il-kemmun iswed ma jinsaħaqx b’għodda tad-dris;+ u fuq il-kemmun ma tgħaddi ebda rota taʼ karru. Għax il-kemmun iswed ġeneralment jindires b’ħatar,+ u l-kemmun b’bastun. 28 Jaqaw il-qmuħ li minnhom jagħmlu l-ħobż ġeneralment jiġu misħuqin? Għax wieħed qatt ma jibqaʼ jgħaffiġhom+ bla heda.+ U jmexxi r-romblu tal-karru tiegħu, u ż-żwiemel tiegħu, imma ma jisħaqhomx.+ 29 Dan ukoll ġie minn Ġeħova taʼ l-armati,+ li għandu skop taʼ l-għaġeb, li ħadem b’mod effettiv ħafna.+