Ġenesi
23 U Sara għexet mija u sebgħa u għoxrin sena. Dawn kienu s-snin tal-ħajja taʼ Sara.+ 2 Għalhekk, Sara mietet f’Kirjat-arba,+ jiġifieri, Ħebron,+ fl-art taʼ Kangħan,+ u Abraham daħal inewwaħ għal Sara u jibkiha. 3 Imbagħad Abraham qam minn quddiem il-mejta u kellem lil ulied Ħet+ u qalilhom: 4 “Resident barrani u immigrant qiegħed jien f’nofskom.+ Bigħuli post għad-dfin f’nofskom fejn nistaʼ nidfen lill-mejta tiegħi.”+ 5 Ulied Ħet imbagħad wieġbu lil Abraham u qalulu: 6 “Ismagħna, sidi.+ Kap taʼ tribù maħtur minn Alla int f’nofsna.+ Lill-mejta tiegħek idfinha fl-aqwa post għad-dfin li għandna.+ Ħadd minna ma se jċaħħdek mill-post għad-dfin li għandu u jżommok milli tidfen lill-mejta tiegħek.”+
7 U Abraham qam u miel quddiem in-nies tal-post,+ quddiem ulied Ħet,+ 8 u kellimhom u qalilhom: “Jekk taqblu li nidfen lill-mejta tiegħi, isimgħuni u ħeġġu lil Għefron bin Soħar+ 9 biex jagħtini l-għar taʼ Makfela,+ li hu tiegħu u li jinsab f’tarf l-għalqa tiegħu. Ħa jagħtihuli quddiemkom b’kemm jiswa fidda biex ikolli post għad-dfin.”+
10 U Għefron kien bil-qiegħda hemmhekk qalb ulied Ħet. Għalhekk, Għefron il-Ħitti+ wieġeb lil Abraham, biex jisimgħuh ulied Ħet flimkien maʼ dawk li kienu deħlin minn bieb il-belt tiegħu, u qallu:+ 11 “Le, sidi! Ismagħni. L-għalqa nagħtihielek, u l-għar li hemm fiha nagħtihulek ukoll. Quddiem għajnejn ulied il-poplu tiegħi nagħtihielek.+ Idfen lill-mejta tiegħek.” 12 U Abraham miel quddiem in-nies tal-post 13 u kellem lil Għefron biex jisimgħuh in-nies tal-post, u qallu: “Naċċetta biss—le, ismagħni! Jien nagħtik ammont taʼ fidda għall-għalqa. Ħudu mingħandi,+ biex inkun nistaʼ nidfen lill-mejta tiegħi hemmhekk.”
14 Imbagħad Għefron wieġeb lil Abraham u qallu: 15 “Sidi, ismagħni. Biċċa art li tiswa erbaʼ mitt xekel fidda, x’inhi din bejni u bejnek? Għalhekk, idfen lill-mejta tiegħek.”+ 16 Għaldaqstant, Abraham semaʼ minn Għefron, u Abraham lil Għefron wiżinlu l-ammont taʼ fidda li kien tkellem dwaru biex jisimgħuh ulied Ħet, erbaʼ mitt xekel fidda, skond il-valur aċċettat min-negozjanti.+ 17 B’hekk, l-għalqa t’Għefron li kienet f’Makfela, li tinsab quddiem Mamre, l-għalqa bl-għar li kien fiha u bis-siġar kollha li kien hemm fl-għalqa+ u li kienu ’l ġewwa mit-trufijiet tagħha mad-dawra kollha, għaddiet f’idejn+ 18 Abraham bħala l-proprjetà mixtrija tiegħu quddiem għajnejn ulied Ħet qalb dawk kollha li kienu deħlin minn bieb il-belt tiegħu.+ 19 U wara dan, Abraham difen lil martu Sara fl-għar taʼ l-għalqa taʼ Makfela, quddiem Mamre, jiġifieri, Ħebron, fl-art taʼ Kangħan.+ 20 U l-għalqa, bl-għar li kien hemm fiha, għaddiet f’idejn Abraham minn idejn ulied Ħet biex ikollu post għad-dfin.+