Isaija
30 “Gwaj għall-ulied rashom iebsa,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “dawk li lesti jwettqu skop, imma mhux dak li ġej minni;+ u jsawbu l-offerti tal-likwidi, imma mhux bl-ispirtu tiegħi, sabiex iżidu dnub fuq dnub;+ 2 dawk li ħerġin biex jinżlu l-Eġittu+ u li ma staqsewx x’jgħid fommi,+ u li jridu jistkennu fil-fortizza tal-Fargħun u jsibu refuġju fid-dell taʼ l-Eġittu!+ 3 U l-fortizza tal-Fargħun issir għalikom raġuni biex tistħu,+ u r-refuġju fid-dell taʼ l-Eġittu ikun kaġun t’umiljazzjoni.+ 4 Għax il-prinċpijiet tiegħu ġew f’Sogħan,+ u l-mibgħutin tiegħu waslu Ħanes. 5 Kulħadd se jistħi minħabba poplu li m’hu taʼ ġid għal ħadd, li m’huwiex t’għajnuna u lanqas taʼ ġid, imma hu raġuni għal mistħija u kaġun taʼ tmaqdir.”+
6 Id-dikjarazzjoni kontra l-bhejjem tan-nofsinhar:+ Mill-pajjiż taʼ niket+ u kundizzjonijiet diffiċli, taʼ l-iljun u l-leopard li jgħajjat, tal-lifgħa u tas-serp ħafif b’velenu jaħraq bħan-nar,+ huma jġorru r-riżorsi tagħhom fuq dahar il-ħmir, u l-provvisti tagħhom fuq il-ħotba taʼ l-iġmla.+ Dawn ma se jkunu t’ebda ġid għall-poplu. 7 U l-Eġizzjani huma biss frugħa, u l-għajnuna li se jagħtu tkun għalxejn.+ Għalhekk, sejjaħtlu: “Raħab+—tajbin biss biex joqogħdu bil-qiegħda.”
8 “Issa ejja, ikteb dan fuq tavla magħhom, u iktbu fi ktieb,+ biex iservi għall-futur, bħala xiehda għal żmien indefinit.+ 9 Għax huwa poplu ribelluż,+ ulied li ma jżommux mal-verità,+ ulied li ma kinux lesti jisimgħu l-liġi taʼ Ġeħova;+ 10 li qalu lil dawk li qed jaraw, ‘Tarawx,’ u lil dawk li jkollhom viżjonijiet, ‘Tarawx għalina viżjonijiet t’affarijiet veri.+ Għidulna affarijiet li jmellsu; araw viżjonijiet t’affarijiet qarriqin.+ 11 Warrbu mit-triq; żvijaw mill-mogħdija.+ Issemmulniex iktar lill-Qaddis taʼ Israel.’”+
12 Għaldaqstant, hekk qal il-Qaddis taʼ Israel: “Talli tirrifjutaw din il-kelma,+ u talli tafdaw fl-imbrolji u fil-qerq u tistrieħu fuqhom,+ 13 għalhekk, dan l-iżball isirilkom bħal parti mkissra li waslet biex taqaʼ minn ħajt għoli u mżaqqaq,+ li t-tiġrif tiegħu jistaʼ jiġi malajr, f’daqqa waħda.+ 14 U se jitkisser bħalma titkisser ġarra kbira taʼ fuħħari,+ imfarrka biċċiet bla ma ħadd jistaʼ jsalvaha, tant li fost il-biċċiet imfarrkin ma tkunx tistaʼ tinstab biċċa fuħħar biex biha jinġarr in-nar mill-ħuġġieġa jew biex jinġabar ftit ilma mill-wiċċ f’post kollu għadajjar.”+
15 Għax hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, il-Qaddis taʼ Israel:+ “Jekk tiġu lura u tistrieħu se ssalvaw. Se tkunu setgħanin jekk ma tinkwetawx u jkollkom il-fiduċja.”+ Imma intom m’intomx lesti tagħmlu dan.+ 16 U intom għedtu: “Le, imma se naħarbu fuq iż-żwiemel!”+ Għalhekk, se taħarbu. “U se nirkbu fuq żwiemel ħfief!”+ Għalhekk, dawk li jiġru warajkom se jkunu ħfief.+ 17 Elf se jitriegħdu bil-biżaʼ minħabba ċ-ċanfira taʼ wieħed;+ minħabba ċ-ċanfira taʼ ħamsa intom se taħarbu sakemm tkunu bqajtu bħal arblu fuq il-quċċata taʼ muntanja u bħal sinjal fuq għolja.+
18 U għaldaqstant, Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba,+ u għaldaqstant se jqum biex jurikom ħniena.+ Għax Ġeħova hu Alla taʼ ġudizzju.+ Henjin+ dawk kollha li jibqgħu jistennewh.+ 19 Meta n-nies f’Sijon+ se jgħammru f’Ġerusalemm,+ int b’ebda mod ma tibki.+ Hu bla dubju jħenn għalik mal-ħoss taʼ l-għajta tiegħek; malli jismagħha jwieġbek.+ 20 U Ġeħova se jagħtikom il-ħobż tan-niket u l-ilma tal-moħqrija;+ madankollu, l-Istruttur Grandjuż tiegħek mhux se jkun iktar moħbi, u għajnejk jaraw lill-Istruttur Grandjuż tiegħek.+ 21 U widnejk jisimgħu kelma minn warajk tgħid: “Din hi t-triq.+ Imxu fiha,” f’każ li tmorru lejn il-lemin jew f’każ li tmorru lejn ix-xellug.+
22 U tridu tkasbru l-kisi tal-fidda tax-xbihat minquxin tagħkom+ u l-kisi tad-deheb+ taʼ l-istatwi tagħkom magħmulin minn metall imdewweb.+ Trid twarrabhom.+ U bħal mara bit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar, int tgħidilhom: “Ħmieġ!”+ 23 U se jagħti x-xita għaż-żerriegħa li tiżraʼ l-art biha,+ u bħala l-prodott taʼ l-art il-ħobż, li jrid ikun bnin u rikk.*+ Dakinhar il-bhejjem tiegħek se jirgħu f’mergħa spazjuża.+ 24 U l-baqar u l-ħmir li jaħdmu l-art se jieklu l-għalf imħawwar bil-ħaxixa qarsa, li jidderra* bil-pala+ u l-furkettun. 25 U fuq kull muntanja għolja u fuq kull għolja kbira jkun hemm nixxigħat,+ ġwiebi taʼ l-ilma, fil-jum tal-qatla l-kbira meta jaqgħu t-torrijiet.+ 26 U d-dawl tal-qamar kwinta jsir bħad-dawl tax-xemx tiddi; u d-dawl tax-xemx tiddi jsir sebaʼ darbiet iktar qawwi,+ bħad-dawl taʼ sebat ijiem, fil-jum li Ġeħova jorbot il-ġerħa+ tal-poplu tiegħu u jfejjaq+ il-ferita kbira li ġiet bid-daqqa li tah.
27 Ara! Isem Ġeħova ġej mill-bogħod, iħeġġeġ bir-rabja tiegħu+ u bi sħab tqil. U xofftejh imtlew bil-kundanna, u lsienu hu bħal nar li jiblaʼ.+ 28 U l-ispirtu tiegħu hu bħal wied li jgħarraq u li jilħaq sa l-għonq,+ biex jgħarbel lill-ġnus bl-għarbiel+ tal-frugħa; u fix-xedaq tal-popli+ jkun hemm ilġiem+ li jġegħelhom jiżvijaw. 29 Intom se jkollkom għanja+ bħal dik li titkanta fil-lejl li fih wieħed iqaddes lilu nnifsu għal festa,+ u ferħ fil-qalb bħal dak taʼ wieħed li jimxi bil-flawt+ sabiex jidħol fil-muntanja taʼ Ġeħova,+ għand il-Blata taʼ Israel.+
30 U Ġeħova ċertament li se jsemmaʼ d-dinjità taʼ leħnu+ u juri li driegħu nieżel biex jolqot,+ bis-saħna tar-rabja+ u bil-ħeġġa taʼ nar li jiblaʼ+ u b’xita qawwija u b’maltempata tax-xita+ u b’biċċiet tas-silġ.+ 31 Għax għal-leħen taʼ Ġeħova, l-Assirja se titwerwer;+ hu se jsawwatha b’bastun.+ 32 U kull tixjira tal-ħatar tiegħu tal-kastig li Ġeħova se jniżżel fuq l-Assirja se tkun bit-tanburlini u l-arpi;+ u se jiġġildilhom b’battalji taʼ tixjir t’armi.+ 33 Għax Tofet*+ tagħha diġà twaqqaf fi żminijiet reċenti; tħejja għas-sultan.+ Hu għamel il-munzell għoli. In-nar u l-injam huma kotrana. Nifs Ġeħova, bħal wied taʼ kubrit, qed iqabbdu.+