Mattew
8 Wara li niżel minn fuq il-muntanja marru warajh folol kbar. 2 U, ara, resaq lejh raġel marid bil-ġdiem+ u miel quddiemu u qallu: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” 3 Għalhekk, ħareġ idu, messu, u qallu: “Irrid. Indaf.”+ U minnufih tnaddaf mill-ġdiem tiegħu.+ 4 Imbagħad Ġesù qallu: “Ara li ma tgħid lil ħadd,+ imma mur, uri ruħek lill-qassis,+ u offri l-għotja+ li ordna Mosè, bħala xiehda għalihom.”
5 Meta daħal Kafarnahum,+ ġie għandu fizzjal taʼ l-armata* li talbu bil-ħrara 6 u qallu: “Sinjur, il-qaddej tiegħi jinsab mixħut id-dar bil-paralisi u hu muġugħ ħafna.” 7 Hu qallu: “Niġi u nfejqu.” 8 Il-fizzjal taʼ l-armata wieġeb u qal: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, imma għid biss il-kelma u l-qaddej tiegħi jfiq. 9 Għax jien ukoll, għalkemm qiegħed taħt awtorità, għandi s-suldati taħti, u lil wieħed ngħidlu, ‘Mur!’+ u jmur, u lil ieħor, ‘Ejja!’ u jiġi, u lill-ilsir tiegħi, ‘Agħmel dan!’ u jagħmlu.” 10 Malli semaʼ dan, Ġesù baqaʼ mistagħġeb u qal lil dawk li marru warajh: “Ngħidilkom il-verità, Fl-ebda bniedem f’Israel ma sibt fidi daqshekk kbira.+ 11 Imma ngħidilkom li se jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent+ u joqogħdu mal-mejda m’Abraham u Iżakk u Ġakobb fis-saltna+ tas-smewwiet;+ 12 filwaqt li wlied is-saltna+ se jintefgħu fid-dlam taʼ barra. Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.”+ 13 Imbagħad Ġesù qal lill-fizzjal taʼ l-armata: “Mur. Ħa jsirlek skond il-fidi li wrejt.”+ U l-qaddej fieq dak il-ħin.
14 Imbagħad Ġesù daħal għand Pietru u ra lill-kunjata tiegħu+ mixħuta bid-deni.+ 15 Għalhekk, messilha idha,+ u d-deni ħallieha, u qamet u bdiet taqdih.+ 16 Malli sar fil-għaxija ġabulu ħafna nies maħkumin mid-demonji; u hu keċċa l-ispirti b’kelma waħda, u fejjaq lil kulmin kien magħdur; 17 sabiex jitwettaq dak li ntqal mill-profeta Isaija: “Hu stess ħa l-weġgħat tagħna u ġarr il-mard tagħna.”+
18 Meta Ġesù ra folla madwaru, ordna biex jaqsmu għan-naħa l-oħra.+ 19 U resaq lejh skriba u qallu: “Għalliem, jien niġi warajk kulfejn tmur.”+ 20 Imma Ġesù qallu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien u l-għasafar tas-sema għandhom il-bejtiet, imma Bin il-bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.”+ 21 Imbagħad dixxiplu ieħor qallu: “Mulej, ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.” 22 Qallu Ġesù: “Ibqaʼ imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom.”+
23 U meta telaʼ fid-dgħajsa,+ id-dixxipli tiegħu marru warajh. 24 Issa, ara, qamet tempesta kbira fil-baħar, tant li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa; iżda hu kien rieqed.+ 25 U resqu lejh u qajmuh,+ waqt li qalulu: “Mulej, salvana, għax se nintilfu!” 26 Imma hu qalilhom: “Għalfejn qed tibżgħu, intom taʼ fidi żgħira?”+ Imbagħad qam, ċanfar l-irjieħ u l-baħar, u waqgħet kalma kbira.+ 27 Għalhekk, l-irġiel baqgħu mistagħġbin u qalu: “Dan xi bniedem hu,+ biex saħansitra l-irjieħ u l-baħar jobduh?”
28 Meta wasal in-naħa l-oħra, fl-art tal-Gadarin,+ ħarġu minn qalb l-oqbra tat-tifkira żewġt irġiel maħkumin mid-demonji+ u ltaqgħu miegħu. Dawn tant kienu feroċi li ħadd ma kellu l-kuraġġ jgħaddi minn dik it-triq. 29 U, ara, infexxew jgħajtu u jgħidu: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Bin Alla?+ Ġejt hawn biex titturmentana+ qabel il-waqt?”+ 30 Kien hemm ’il bogħod minnhom merħla kbira taʼ ħnieżer qed jirgħu. 31 Għalhekk, id-demonji bdew jitolbuh bil-ħrara: “Jekk tkeċċina, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer.”+ 32 Għaldaqstant qalilhom: “Morru!” Huma ħarġu u daħlu fil-ħnieżer; u, ara, il-merħla kollha qabżet minn fuq l-irdum għal ġol-baħar u mietet fl-ilma.+ 33 Ir-rgħajja ħarbu u daħlu fil-belt, u rrakkontaw kollox, anki x’kien ġralhom l-irġiel maħkumin mid-demonji. 34 U, ara, il-belt kollha ħarġet tiltaqaʼ maʼ Ġesù; u meta rawh, talbuh bil-ħerqa biex jitlaq mid-distretti tagħhom.+