Ġożwè
24 U Ġożwè ġemaʼ lit-tribujiet kollha taʼ Israel flimkien f’Sikem+ u sejjaħ lix-xjuħ taʼ Israel+ u l-kapijiet u l-imħallfin u l-uffiċjali tiegħu, u huma waqfu quddiem l-Alla l-veru.+ 2 U Ġożwè kompla jgħid lill-poplu kollu: “Hekk qal Ġeħova l-Alla taʼ Israel, ‘Żmien twil ilu missirijietkom+ kienu jgħammru fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara,*+ Teraħ missier Abraham u missier Naħor,+ u kienu jaqdu allat oħrajn.
3 “‘Maż-żmien, ħadt lil missierkom Abraham+ min-naħa l-oħra tax-Xmara+ u ġegħeltu jimxi maʼ l-art kollha taʼ Kangħan u kattart lil nislu.+ Għalhekk, jien tajtu lil Iżakk.+ 4 Imbagħad lil Iżakk tajtu lil Ġakobb u lil Għesaw.+ Iktar tard lil Għesaw tajtu l-Muntanja Segħir biex jiħodha f’idejh;+ u Ġakobb u wliedu niżlu l-Eġittu.+ 5 Iktar tard bgħatt lil Mosè u lil Aron,+ u kkastigajt l-Eġittu b’dak li għamilt f’nofsu;+ u mbagħad ħriġtkom.+ 6 Meta kont qed noħroġ lil missirijietkom mill-Eġittu+ u wasaltu ħdejn il-baħar, l-Eġizzjani marru jiġru wara+ missirijietkom b’karrijiet tal-gwerra u suldati tal-kavallerija sal-Baħar l-Aħmar. 7 U huma bdew jgħajtu lil Ġeħova.+ Għalhekk, hu qiegħed dalma bejnkom u bejn l-Eġizzjani+ u ġab il-baħar fuqhom u għattiehom,+ u għajnejkom raw dak li għamilt fl-Eġittu;+ u bdejtu tgħammru fix-xagħri għal bosta jiem.+
8 “‘Maż-żmien ġibtkom lejn l-art taʼ l-Amurrin li kienu jgħammru fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, u huma ġġildulkom.+ Għalhekk, jien tajthom f’idejkom biex tkunu tistgħu tiħdulhom arthom, u qridthom għalkollox minn quddiemkom.+ 9 Imbagħad Balak bin Siffur,+ is-sultan taʼ Mowab, qam u mar jiġġieled kontra Israel.+ Għalhekk, bagħat isejjaħ lil Balgħam bin Begħor biex jisħitkom.+ 10 U jien ma ridtx nismaʼ lil Balgħam.+ Għaldaqstant, hu berikkom darba wara l-oħra.+ B’hekk, ħlistkom minn idu.+
11 “‘Imbagħad qsamtu l-Ġordan+ u ġejtu Ġeriko.+ U s-sidien taʼ l-art taʼ Ġeriko, l-Amurrin u l-Pereżin u l-Kangħanin u l-Ħittin u l-Girgasin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin bdew jiġġildulkom; imma jien tajthom f’idejkom.+ 12 Għaldaqstant, jien bgħatt l-iskuraġġiment qabilkom, u dan bil-mod il-mod keċċiehom minn quddiemkom+—bħalma ġara liż-żewġ slaten taʼ l-Amurrin—mhux bis-sejf tagħkom u mhux bil-qaws tagħkom.+ 13 B’hekk, tajtkom art li ma kontux tħabattu għaliha u bliet li ma kontux bnejtu,+ u bdejtu tgħammru fihom. Għelieqi tad-dwieli u msaġar taż-żebbuġ li ma ħawwiltux qed tieklu.’+
14 “U issa ibżgħu minn Ġeħova+ u aqduh mingħajr nuqqas u bil-verità,+ u neħħu l-allat li missirijietkom qdew fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara u fl-Eġittu,+ u aqdu lil Ġeħova. 15 Issa jekk hu ħażin f’għajnejkom li taqdu lil Ġeħova, agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu,+ jekk hux l-allat li qdew missirijietkom li kienu fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara+ jew l-allat taʼ l-Amurrin li qed tgħammru f’arthom.+ Imma ngħid għalija u għan-nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.”+
16 Għal dan, il-poplu wieġeb u qal: “Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna, min-naħa tagħna, li nitilqu lil Ġeħova sabiex naqdu allat oħrajn. 17 Għax kien Ġeħova Alla tagħna li ħareġ lilna u lil missirijietna mill-art taʼ l-Eġittu,+ mid-dar taʼ l-ilsiera,+ u li wettaq dawn is-sinjali kbar quddiem għajnejna+ u li baqaʼ jħarisna tul it-triq kollha li mxejna fiha u fost il-popli kollha li għaddejna minn ġo nofshom.+ 18 U Ġeħova keċċa minn quddiemna lill-popli kollha,+ lill-Amurrin, li kienu qed jgħammru fl-art. Ngħidu għalina, aħna wkoll se naqdu lil Ġeħova, għax hu Alla tagħna.”+
19 Imbagħad Ġożwè qal lill-poplu: “Tassew li se tkunu tistgħu taqdu lil Ġeħova? Għax hu Alla qaddis;+ hu Alla li jesiġi devozzjoni esklużiva.+ Ma jaħfirx l-irvellar tagħkom u dnubietkom.+ 20 Jekk titilqu lil Ġeħova+ u taqdu allat barranin,+ hu wkoll idur għalikom u jagħmlilkom il-ħsara u jeqridkom għalkollox wara li jkun għamlilkom il-ġid.”+
21 Għalhekk, il-poplu qal lil Ġożwè: “Le, imma lil Ġeħova se naqdu!”+ 22 Imbagħad Ġożwè qal lill-poplu: “Intom xhieda kontrikom stess+ li minn jeddkom għażiltu lil Ġeħova, biex taqduh.”+ Għal dan, huma qalu: “Aħna xhieda.”
23 “U issa neħħu l-allat barranin li hemm f’nofskom,+ u mejlu qlubkom lejn Ġeħova l-Alla taʼ Israel.” 24 Għal dan, il-poplu qal lil Ġożwè: “Lil Ġeħova Alla tagħna se naqdu, u minn leħnu se nisimgħu!”+
25 U dakinhar Ġożwè għamel patt mal-poplu u stabbilixxa għalihom regolament u deċiżjoni ġudizzjarja+ f’Sikem. 26 Imbagħad Ġożwè kiteb dan il-kliem fil-ktieb tal-liġi t’Alla+ u ħa ġebla kbira+ u waqqafha hemmhekk taħt is-siġra immensa+ li qiegħda ħdejn is-santwarju taʼ Ġeħova.
27 U Ġożwè kompla jgħid lill-poplu kollu: “Ara! Din il-ġebla se sservi taʼ xiehda kontrina,+ għax din stess semgħet il-kliem kollu li qalilna Ġeħova, u se sservi taʼ xiehda kontrikom, biex ma tiċħdux lil Alla tagħkom.” 28 Wara dan, Ġożwè bagħat lill-poplu, kulħadd lejn wirtu.+
29 U ġara li wara dawn l-affarijiet Ġożwè bin Nun, il-qaddej taʼ Ġeħova, miet fl-età taʼ mija u għaxar snin.+ 30 Għalhekk, difnuh fit-territorju taʼ wirtu f’Timnat-sera,+ fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, fit-tramuntana tal-Muntanja Gagħas. 31 U Israel kompla jaqdi lil Ġeħova l-jiem kollha taʼ Ġożwè u l-jiem kollha tax-xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè+ u li kienu jafu l-għemejjel kollha li Ġeħova għamel għal Israel.+
32 U l-għadam taʼ Ġużeppi,+ li wlied Israel kienu ħarġu mill-Eġittu, difnuh f’Sikem fil-medda rabaʼ li Ġakobb kien kiseb mingħand ulied Ħamor,+ missier Sikem, għal mitt biċċa flus;+ u din saret taʼ wlied Ġużeppi bħala wirt.+
33 U Elegħażar bin Aron miet ukoll.+ Għalhekk, difnuh fl-Għolja taʼ Fineħas ibnu,+ li hu kien tah fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm.