Atti
26 Agrippa+ qal lil Pawlu: “Tistaʼ titkellem għalik innifsek.” Imbagħad Pawlu għolla idu,+ beda d-difiża tiegħu, u qal:+
2 “Sultan Agrippa, jien inħossni hieni li d-difiża tiegħi dwar dak kollu li l-Lhud qed jakkużawni+ bih se nagħmilha quddiemek illum, 3 speċjalment għax int espert fid-drawwiet+ kollha tal-Lhud kif ukoll fil-kontroversji tagħhom. Għalhekk, nitolbok bil-ħniena biex tismagħni bil-paċenzja.
4 “Tabilħaqq, rigward il-mod taʼ ħajja+ li bdejt ngħix sa minn żgħożiti fost ġensi u f’Ġerusalemm, il-Lhud kollha 5 li kienu midħla tiegħi sa mill-bidu jafu, jekk iridu jixhdu, li skond it-tagħlim l-iktar strett+ tar-reliġjon tagħna jien għext bħala Fariżew.+ 6 Iżda issa ninsab imsejjaħ għal ġudizzju minħabba t-tama+ tal-wegħda+ li Alla għamel lil missirijietna; 7 meta fil-fatt it-tnax-il tribù tagħna qed jittamaw li jiksbu t-twettiq taʼ din il-wegħda billi b’ħeġġa kbira jagħtuh servizz sagru lejl u nhar.+ Dwar din it-tama jien akkużat+ mil-Lhud, O sultan.
8 “Għala qed tiġġudikawha bħala xi ħaġa li ma titwemminx, li Alla jqajjem il-mejtin?+ 9 Veru, jien stess fija nnifsi kont naħseb li għandi nagħmel ħafna oppożizzjoni kontra l-isem taʼ Ġesù n-Nazzarenu; 10 u fil-fatt hekk għamilt f’Ġerusalemm, u lil ħafna mill-qaddisin tfajthom il-ħabs,+ billi kont ngħatajt awtorità mill-qassisin ewlenin;+ u meta kienu jingħataw il-mewt, kont nivvota kontrihom. 11 Bosta drabi kont nikkastigahom fis-sinagogi+ kollha biex nipprova nġegħelhom jiċħdu t-twemmin tagħhom; u peress li kont mitluf bir-rabja kbira li kelli għalihom, wasalt sal-punt li nippersegwitahom saħansitra fi bliet oħra.
12 “Waqt li kont għaddej b’dan u kont qed nivvjaġġa lejn Damasku+ b’awtorità u ordnijiet mingħand il-qassisin ewlenin, 13 O sultan, f’nofsinhar, jien u sejjer rajt dawl qawwi iktar mid-dija tax-xemx jiddi mis-sema madwari u madwar dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħi.+ 14 U meta waqajna lkoll fl-art smajt leħen jgħidli bil-lingwa Ebrajka, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani? Jekk tibqaʼ toqmos kontra n-niggieża se tweġġaʼ.’+ 15 Imma jien għedt, ‘Min int, Mulej?’ U l-Mulej qalli, ‘Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.+ 16 Madankollu, qum u ieqaf fuq saqajk.+ Għax għalhekk dhertlek, biex nagħżlek bħala qaddej u xhud+ kemm taʼ dak li rajt u kemm taʼ dak li għad irrid nurik dwari; 17 waqt li neħilsek minn dan il-poplu u mill-ġnus, li qed nibagħtek għandhom,+ 18 biex tiftħilhom għajnejhom,+ iddawwarhom mid-dlam+ għad-dawl+ u mill-awtorità taʼ Satana+ lejn Alla, u b’hekk jirċievu l-maħfra tad-dnubiet+ u wirt+ fost dawk imqaddsin+ bil-fidi tagħhom fija.’
19 “Għaldaqstant, Sultan Agrippa, ma stajtx ma nobdix id-dehra mis-sema,+ 20 u ħadt il-messaġġ l-ewwel lil dawk f’Damasku,+ imbagħad lil dawk f’Ġerusalemm,+ u l-pajjiż kollu tal-Lhudija, u lill-ġnus+ biex jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu għemejjel li jixirqu lill-indiema.+ 21 Minħabba dan, xi Lhud ħatfuni taħt idejhom fit-tempju u pprovaw joqtluni.+ 22 Madankollu, bl-għajnuna+ li ksibt mingħand Alla, jien għadni sa llum nixhed kemm liż-żgħar u kemm lill-kbar, u ma ngħid xejn ħlief dak li l-Profeti+ kif ukoll Mosè+ qalu li se jseħħ, 23 li l-Kristu kellu jbati+ u, bħala l-ewwel wieħed li jiġi rxoxtat+ mill-imwiet, kien se jxandar id-dawl+ kemm lil dan il-poplu kif ukoll lill-ġnus.”+
24 Issa waqt li fid-difiża tiegħu kien qed jgħid dan, Festu qallu b’leħen għoli: “Pawlu, int qed tiġġennen!+ Ħafna tagħlim qed iġennek!” 25 Imma Pawlu qallu: “M’iniex qed niġġennen, Wisq Eċċellenti Festu, imma b’moħħ f’loku qed ngħid il-verità. 26 Fir-realtà, is-sultan li qed nitkellem miegħu bil-libertà tal-kelma jafhom tajjeb dawn l-affarijiet; għax jien persważ li xejn minnhom ma jaħrab l-attenzjoni tiegħu, għax dan ma sarx f’xi rokna.+ 27 Int, Sultan Agrippa, temminhom il-Profeti? Jien naf li temminhom.”+ 28 Imbagħad Agrippa qal lil Pawlu: “Dalwaqt tipperswadini biex insir Kristjan.” 29 Għal dan, Pawlu qallu: “Nitlob lil Alla li, sew jekk dalwaqt u sew jekk wara ħafna żmien, mhux int biss imma wkoll dawk kollha li qed jisimgħuni llum isiru bħali, ħlief għal dan l-irbit.”
30 U s-sultan qam, u qamu wkoll il-gvernatur u Berniċe u l-irġiel li kienu bil-qiegħda magħhom. 31 Huma u sejrin bdew jitkellmu bejniethom u jgħidu: “Dan ir-raġel m’hu qed jagħmel xejn li jistħoqqlu l-mewt+ jew l-irbit.” 32 Iktar minn hekk, Agrippa qal lil Festu: “Kieku dan ir-raġel m’appellax+ għal quddiem Ċesari, setaʼ nħeles.”