Ġenesi
7 Imbagħad Ġeħova qal lil Noè: “Idħlu fl-arka, int u n-nies kollha taʼ darek,+ għax quddiemi lilek biss rajt ġust fost din il-ġenerazzjoni.+ 2 Minn kull bhima nadifa tieħu għalik sebgħa sebgħa, raġel u mara;+ u minn kull bhima mhix nadifa tnejn biss, raġel u mara; 3 mill-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet ukoll tieħu sebgħa sebgħa, raġel u mara,+ biex dawn il-ħlejjaq jibqgħu jgħixu fuq wiċċ l-art kollha kemm hi.+ 4 Għax sa sebat ijiem oħra se nibgħat ix-xita+ fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl;+ u se neqred kull ħaġa li teżisti u li għamilt jien minn fuq wiċċ l-art.”+ 5 U Noè għamel skond kulma kien ordnalu Ġeħova.
6 U Noè kellu sitt mitt sena meta seħħ id-dilluvju taʼ l-ilmijiet fuq l-art.+ 7 Għalhekk, Noè daħal fl-arka u miegħu daħlu wliedu, martu, u n-nisa taʼ wliedu, qabel bdew l-ilmijiet tad-dilluvju.+ 8 Minn kull bhima nadifa u minn kull bhima mhix nadifa u mill-ħlejjaq li jtiru u minn kulma jitħarrek fuq l-art,+ 9 tnejn tnejn daħlu għand Noè fl-arka, raġel u mara, bħalma kien ordna Alla lil Noè. 10 U ġara, sebat ijiem wara, li l-ilmijiet tad-dilluvju niżlu fuq l-art.
11 Fis-sena sitt mija tal-ħajja taʼ Noè, fit-tieni xahar, fis-sbatax tax-xahar, f’dan il-jum infaqgħu l-għejun taʼ l-ilmijiet fondi* u vasti u nfetħu bwieb l-għargħar tas-smewwiet.+ 12 U x-xita bil-qliel baqgħet nieżla fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl.+ 13 Dakinhar stess Noè daħal fl-arka, u miegħu daħlu Sem, Ħam, u Ġafet, ulied Noè,+ u mart Noè u t-tliet nisa taʼ wliedu;+ 14 huma u kull bhima salvaġġa skond ġensha,+ kull annimal domestiku skond ġensu, kull annimal li jitkaxkar u li jitħarrek fuq l-art skond ġensu,+ kull ħliqa li ttir skond ġensha,+ kull għasfur, u kull ħliqa bil-ġwienaħ.+ 15 U dawn daħlu għand Noè fl-arka, tnejn tnejn, minn kull xorta taʼ laħam li fih kien hemm il-forza attiva tal-ħajja.+ 16 U dawk li daħlu, kienu raġel u mara minn kull tip taʼ laħam, bħalma kien ordnalu Alla. Imbagħad Ġeħova għalaq il-bieb warajh.+
17 U d-dilluvju baqaʼ sejjer għal erbgħin jum fuq l-art, u l-ilmijiet baqgħu jiżdiedu u bdew iġorru l-arka u din kienet qed iżżomm f’wiċċ l-ilmijiet ħafna ’l fuq mill-art. 18 U l-ilmijiet ħakmu u baqgħu jiżdiedu ferm fuq l-art, imma l-arka baqgħet iżżomm f’wiċċ l-ilmijiet.+ 19 U l-ilmijiet tant ħakmuha l-art li għattew il-muntanji għoljin kollha li kien hemm taħt is-smewwiet kollha.+ 20 Sa ħmistax-il kubitu ħakmuhom l-ilmijiet, u l-muntanji tgħattew.+
21 Għalhekk, kull laħam li kien qed jitħarrek fuq l-art miet,+ jiġifieri, il-ħlejjaq li jtiru, l-annimali domestiċi, il-bhejjem salvaġġi, il-qtajjaʼ kollha li l-art kienet miżgħuda bihom, u l-bnedmin kollha.+ 22 Kulma kellu fi mnifsejh in-nifs tal-forza attiva tal-ħajja, jiġifieri, kulma kien fuq l-art niexfa, miet.+ 23 B’hekk, hu qered kull ħaġa li kienet teżisti f’wiċċ l-art, mill-bniedem sal-bhima, sa l-annimal li jitkaxkar u l-ħliqa li ttir fis-smewwiet, u dawn kollha ġew meqrudin minn fuq l-art;+ u baqgħu ħajjin biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka.+ 24 U l-ilmijiet baqgħu jaħkmu l-art għal mija u ħamsin jum.