Atti
27 Issa, meta kien ġie deċiż li kellna nsalpaw lejn l-Italja,+ lil Pawlu u lil xi priġunieri oħrajn tawhom f’idejn fizzjal taʼ l-armata li kien jismu Ġulju mill-korp t’Awgustu. 2 Tlajna abbord fuq ġifen t’Adramitti, li kien sejjer lejn postijiet tul il-kosta tad-distrett taʼ l-Asja, u salpajna, u magħna kien hemm Aristarku,+ Maċedoni minn Tessalonika. 3 U l-għada nżilna Sidon, u Ġulju wera qalb tajba+ maʼ Pawlu u ħallieh imur ħdejn ħbiebu biex jieħdu ħsiebu.+
4 U tlaqna bil-baħar minn hemmhekk u salpajna għall-kenn taʼ Ċipru, għax l-irjieħ kienu kontrina; 5 u għaddejna minn baħar miftuħ tul iċ-Ċiliċja u l-Pamfilja u dħalna fil-port taʼ Mira fil-Liċja. 6 Hemmhekk il-fizzjal taʼ l-armata sab ġifen minn Lixandra+ li kien sejjer l-Italja, u ġegħelna nitilgħu abbord. 7 Imbagħad, wara li baħħarna bil-mod għal ħafna jiem u ġejna Knidu bit-tbatija, għax ir-riħ ma ħalliniex nibqgħu sejrin, għaddejna għall-kenn taʼ Kreta min-naħa taʼ Salmone, 8 u bi tbatija bqajna sejrin mal-kosta tagħha u ġejna f’post jgħidulu l-Portijiet is-Sbieħ, li qribu kien hemm il-belt taʼ Lasegħa.
9 Peress li kien għadda ħafna żmien u issa kien sar perikoluż li tbaħħar, għax anki s-sawm taʼ jum it-tpattija*+ kien għadda, Pawlu għamel suġġeriment 10 u qalilhom: “Irġiel, qed nara li t-tbaħħir se jkun taʼ ħsara u telf kbir mhux biss għat-tagħbija u l-ġifen imma wkoll għal ħajjitna.”*+ 11 Madankollu, il-fizzjal taʼ l-armata iktar ta kas taʼ dak li qalulu l-kaptan tal-ġifen u sid il-ġifen milli taʼ dak li qallu Pawlu. 12 Issa billi l-port ma kienx tajjeb biex ngħaddu x-xitwa fih, il-maġġuranza kienu tal-parir li jsalpaw minn hemmhekk, biex jaraw jekk b’xi mod setgħux jaslu Feniċe, port fi Kreta li jiftaħ lejn il-grigal u lejn ix-xlokk, sabiex jgħaddu x-xitwa hemmhekk.
13 Għaldaqstant, meta qam riħ ħafif min-nofsinhar, ħasbu li l-iskop tagħhom kien se jirnexxi u refgħu l-ankra u bdew għaddejjin qrib il-kosta taʼ Kreta. 14 Madankollu, wara ftit tal-ħin, minn fuq il-gżira qam riefnu+ qawwi li jgħidulu Grigal. 15 Il-ġifen inħakem bl-aħrax u ma setax iżomm il-pruwa kontra r-riħ, u għalhekk ċedejna u ħallejna r-riħ iġorrna. 16 Issa b’ġirja waħda ġejna għall-kenn taʼ gżira żgħira jisimha Kawda, u bilkemm stajna naqbdu l-frejgatina+ taʼ mal-poppa. 17 Wara li tellgħuha abbord bdew jużaw tagħmir biex jorbtu l-ġifen minn taħt; u peress li beżgħu li jinkaljaw fuq is-Sirti,* niżżlu l-armar, u b’hekk intelqu mal-kurrent. 18 It-tempesta bdiet titfagħna ’l hemm u ’l hawn b’qawwa kbira, u minħabba f’hekk, l-għada bdew iħaffu+ l-ġifen; 19 u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess.
20 Issa, meta x-xemx u l-kwiekeb kienu ilhom ma jidhru bosta jiem, u peress li t-tempesta+ li qabditna ma kinitx żgħira, kull tama li niġu salvati fl-aħħar għabet. 21 U wara li kienu ilhom ħafna ma jduqu xi ħaġa taʼ l-ikel, Pawlu qam f’nofshom+ u qalilhom: “Irġiel, kien imisskom ħadtu l-parir tiegħi u ma tlaqtux minn Kreta, u b’hekk ġarrabtu din il-ħsara u dan it-telf.+ 22 Imma issa nissuġġerilkom tagħmlu l-qalb, għax l-ebda ruħ minnkom m’hi se tintilef, imma l-ġifen biss se jintilef. 23 Għax dan il-lejl ġie ħdejja anġlu+ taʼ l-Alla li jien tiegħu u li lilu nagħti servizz sagru,+ 24 u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Int trid tidher quddiem Ċesari,+ u, ara, Alla se jeħlislek lil dawk kollha li qed jivvjaġġaw miegħek.’ 25 Għalhekk, irġiel, agħmlu l-qalb; għax jien nemmen lil Alla+ li kollox se jsir eżatt kif intqalli. 26 Madankollu, irridu niġu mitfugħin fuq ix-xatt taʼ ċerta gżira.”+
27 Issa meta wasal l-erbatax-il lejl u konna qed niġu mitfugħin ’l hemm u ’l hawn fuq il-Baħar t’Adrija,* f’nofsillejl il-baħrin bdew jissuspettaw li qed jersqu qrib xi art. 28 U skandaljaw il-fond tal-baħar u sabuh għoxrin qama; imbagħad wara distanza qasira reġgħu skandaljaw u sabuh ħmistax-il qama. 29 U peress li beżgħu li niġu mitfugħin xi mkien fuq il-blat, tefgħu erbaʼ ankri mill-poppa u bdew jixtiquh jisbaħ. 30 Imma meta l-baħrin bdew jipprovaw jaħarbu mill-ġifen u niżżlu l-frejgatina fil-baħar bl-iskuża li kien bi ħsiebhom iniżżlu l-ankri mill-pruwa, 31 Pawlu qal lill-fizzjal taʼ l-armata u lis-suldati: “Jekk dawn l-irġiel ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux tiġu salvati.”+ 32 Imbagħad is-suldati qatgħu l-ħbula tal-frejgatina+ u ħallewha taqaʼ.
33 X’ħin kien wasal biex jisbaħ, Pawlu beda jħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu xi ħaġa taʼ l-ikel, u qalilhom: “Illum hu l-erbatax-il jum li ilkom għassa u għadkom bla ikel, għax ma ħadtu xejn. 34 Għalhekk, inħeġġiġkom biex tieklu xi ħaġa, għax dan jiswa għas-sigurtà tagħkom; għax lanqas xagħra+ waħda minn ras wieħed minnkom ma se tintilef.” 35 Wara li qal dan, ħa ħobża, radd ħajr+ lil Alla quddiemhom ilkoll, qasamha, u beda jiekol. 36 Għaldaqstant, ilkoll għamlu l-qalb u bdew jieħdu xi ħaġa taʼ l-ikel. 37 B’kollox fil-ġifen konna mitejn u sitta u sebgħin ruħ. 38 Meta xebgħu bl-ikel, bdew iħaffu+ l-ġifen billi tefgħu l-qamħ il-baħar.
39 Fl-aħħar, meta sebaħ, ma setgħux jagħrfu l-art imma raw bajja bi xtajta, u kienu determinati li, jekk jistaʼ jkun, jitfgħu+ l-ġifen fuqha. 40 Għalhekk, qatgħu l-ankri u ħallewhom jaqgħu l-baħar; fl-istess waqt, ħallew l-irbit taʼ l-imqadef tat-tmun u, wara li tellgħu l-qalaʼ taʼ quddiem għar-riħ, ġibdu lejn ix-xtajta. 41 Meta ħabtu maʼ sikka bejn żewġ kurrenti, inkaljaw il-ġifen u l-pruwa weħlet u ma ċċaqalqitx, imma l-poppa bdiet titfarrak biċċiet bil-qawwa tal-baħar.+ 42 Minħabba f’hekk, is-suldati riedu joqtlu lill-priġunieri, biex ħadd ma jaħrab bl-għawm. 43 Imma l-fizzjal taʼ l-armata xtaq li jwassal lil Pawlu qawwi u sħiħ u ma ħallihomx iwettqu l-għan tagħhom. U ordna lil dawk li kienu jafu jgħumu biex jintefgħu l-baħar u jkunu l-ewwel li jaslu l-art, 44 u lill-bqija ordnalhom jaslu l-art, min fuq twavel u min fuq xi bċejjeċ mill-ġifen. U b’hekk kulħadd wasal l-art qawwi u sħiħ.+