Eżodu
23 “Ixxerridx aħbar li mhix vera.+ Tikkooperax maʼ xi ħadd mill-agħar billi ssir xhud li jfassal il-vjolenza.+ 2 Tmurx wara l-folla għal skopijiet ħżiena;+ u tixhidx dwar kontroversja biex taqbel mal-folla ħalli tgħawweġ il-ġustizzja.+ 3 Inkwantu għall-batut, turix preferenzi f’kontroversja li tinvolvi lilu.+
4 “Jekk issib il-barri jew il-ħmar mitluf taʼ l-għadu tiegħek, int żgur li għandek tiħodhulu lura.+ 5 Jekk tara l-ħmar taʼ xi ħadd li jobogħdok mixħut fl-art taħt it-tagħbija tiegħu, tħallihx hemmhekk. Qis li tgħinu biex jeħilsu.+
6 “Tgħawwiġx id-deċiżjoni ġudizzjarja li tinvolvi lil xi ħadd fqir mill-poplu tiegħek fil-kontroversja tiegħu.+
7 “Żomm ruħek ’il bogħod minn kelma falza.+ U toqtolx lill-innoċenti u lill-ġust, għax lil min hu mill-agħar mhux se niddikjarah ġust.+
8 “Taċċettax tixħim, għax it-tixħim jagħmi lil min jiġġudika bl-għerf u jistaʼ jgħawweġ il-kliem tan-nies sewwa.+
9 “U taħqarx lil resident barrani,+ għax intom tafu x’jiġifieri li tkun resident barrani, għaliex kontu residenti barranin fl-art taʼ l-Eġittu.+
10 “U għal sitt snin trid tiżraʼ ż-żerriegħa fl-art tiegħek u tiġbor dak li tipproduċi.+ 11 Imma fis-sebaʼ sena taħdimhiex u ħalliha tistrieħ,+ u jieklu minnha l-foqra tal-poplu tiegħek; u dak li jħallu huma jikluh il-bhejjem salvaġġi tar-rabaʼ.+ Hekk agħmel bl-għalqa tad-dwieli tiegħek u bil-masġar taż-żebbuġ tiegħek.
12 “Sitt ijiem għandek tagħmel ix-xogħol tiegħek;+ imma fis-sebaʼ jum tistrieħ, sabiex il-barri u l-ħmar tiegħek jistrieħu u bin l-ilsira tiegħek u r-resident barrani jieħdu r-ruħ.+
13 “Għandkom toqogħdu attenti għal kulma għedtilkom;+ u ssemmux isem allat oħrajn. M’għandux jinstemaʼ fuq fommok.+
14 “Tliet darbiet fis-sena għandek tiċċelebrali festa.+ 15 Trid tħares il-festa tal-ħobż bla ħmira.+ Tiekol il-ħobż bla ħmira+ għal sebat ijiem, bħalma kkmandajtek, fiż-żmien stabbilit fix-xahar taʼ Abib,+ għaliex fih ħriġt mill-Eġittu. U ħadd m’għandu jidher quddiemi b’idu vojta.+ 16 Ukoll, il-festa tal-ħsad taʼ l-ewwel frott misjur+ tat-taħbit tiegħek, taʼ dak li tiżraʼ fl-għalqa;+ u l-festa tal-ġbir fi ħruġ is-sena, meta tiġbor mill-għalqa dak li tkun tħabatt għalih.+ 17 Tliet darbiet fis-sena l-irġiel kollha tiegħek jidhru quddiem wiċċ Ġeħova, il-Mulej il-veru.+
18 “Toffrilix id-demm tas-sagrifiċċju flimkien maʼ xi ħaġa li jkun fiha l-ħmira. U x-xaħam li toffrili fil-festa tiegħi m’għandux jibqaʼ l-lejl kollu sa fil-għodu.+
19 “L-aqwa mill-ewwel frott misjur taʼ l-art tiegħek trid iġġibu fid-dar taʼ Ġeħova Alla tiegħek.+
“Tgħallix gidi f’ħalib ommu.+
20 “Ara! Qed nibgħat anġlu+ qablek biex iħarsek fit-triq u jwasslek fil-post li ħejjejtlek.+ 21 Oqgħod attent minħabba fih u ismaʼ minn kliemu. Tirribellax kontrih, għax ma jaħfrilkomx in-nuqqas tagħkom;+ għax jaġixxi f’ismi. 22 Madankollu, jekk tassew tismaʼ minn kliemu u tassew tagħmel kulma ngħidlek,+ jien inkun għadu taʼ l-għedewwa tiegħek u naħqar lil dawk li jaħqruk.+ 23 Għax l-anġlu tiegħi jmur qablek u jwasslek għand l-Amurrin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Kangħanin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, u jien żgur li nqaċċathom darba għal dejjem.+ 24 Tmilx quddiem l-allat tagħhom u titħajjarx biex taqdihom, u tagħmel xejn bħax-xbihat tagħhom,+ imma għandek assolutament iġġarrafhom u tkissrilhom il-pilastri sagri tagħhom.+ 25 U intom aqdu lil Ġeħova Alla tagħkom,+ u hu jbierek il-ħobż tiegħek u l-ilma tiegħek;+ u jien inbiegħed il-mard minn nofsok.+ 26 Ma jkunx hemm f’artek mara li titlef it-tarbija u lanqas mara li ma jistax ikollha tfal.+ Għadd jiemek nagħmlu sħiħ.+
27 “Qabel ma tasal se jisimgħu dwari u jitriegħdu,+ u jien nitfaʼ f’konfużjoni lin-nies kollha li int tmur fosthom, u ndawwar lejk dahar l-għedewwa tiegħek kollha.+ 28 U nġegħelhom iħossuhom skuraġġiti qabel ma tasal,+ u b’dan inkeċċi lill-Ħiwwin, lill-Kangħanin, u lill-Ħittin minn quddiemek.+ 29 Mhux se nkeċċihom minn quddiemek f’sena waħda, biex l-art ma ssirx ħerba u biex il-bhejjem salvaġġi tar-rabaʼ ma jiżdidux sew kontrik.+ 30 Ftit ftit inkeċċihom minn quddiemek, sakemm toktor u tieħu l-art f’idejk.+
31 “U nistabbilixxi l-fruntiera tiegħek mill-Baħar l-Aħmar sal-baħar tal-Filistin u mix-xagħri sax-Xmara;*+ għaliex se nagħtikom f’idejkom l-abitanti taʼ din l-art, u int żgur li tkeċċihom minn quddiemek.+ 32 M’għandekx tagħmel patt magħhom jew m’allathom.+ 33 M’għandhomx jgħammru f’artek, biex ma jġegħlukx tidneb kontrija. Jekk tqim l-allat tagħhom, dan isir nassa għalik.”+