Levitiku
25 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj u jgħidlu: 2 “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom,+ imbagħad l-art trid tosserva Sabat lil Ġeħova.+ 3 Sitt snin għandek tiżraʼ ż-żerriegħa fl-għalqa tiegħek, u sitt snin għandek tiżbor l-għalqa tad-dwieli tiegħek, u tiġbor il-prodott taʼ l-art.+ 4 Imma fis-sebaʼ sena għandu jkun hemm Sabat taʼ mistrieħ komplet għall-art,+ Sabat lil Ġeħova. Tiżrax żerriegħa fl-għalqa tiegħek, u tiżborx l-għalqa tad-dwieli tiegħek. 5 Taħsadx dak li jinbet miż-żerriegħa tal-ħsad tiegħek li tkun waqgħet, u taqtax l-għeneb tad-dielja mhix miżbura tiegħek. Għandu jkun hemm sena taʼ mistrieħ komplet għall-art. 6 U dak li l-art tipproduċi fis-Sabat irid iservi bħala ikel, għalik u għall-ilsir tiegħek u għall-ilsira tiegħek u għall-ħaddiem mikri tiegħek u għall-frustier li jkun miegħek, dawk li qed jgħammru bħala barranin miegħek, 7 u għall-annimal domestiku tiegħek u għall-bhima salvaġġa li hemm f’artek. Il-prodott kollu tagħha għandu jservi bħala ikel.
8 “‘U għodd għalik sebaʼ Sabatijiet taʼ snin, sebaʼ snin għal sebaʼ darbiet, u l-jiem tas-sebaʼ Sabatijiet taʼ snin iridu jammontaw għal disgħa u erbgħin sena għalik. 9 U ġiegħel li l-qarn jinstemaʼ b’ton qawwi+ fis-sebaʼ xahar, fl-għaxra tax-xahar;+ f’jum it-tpattija+ għandkom iġġiegħlu li l-qarn jinstemaʼ fl-art kollha tagħkom. 10 U qaddsu l-ħamsin sena u xandru l-libertà* fl-art lill-abitanti kollha tagħha.+ Issir Ġublew+ għalikom, u morru lura kull wieħed lejn il-proprjetà tiegħu u għandkom tmorru lura kull wieħed lejn il-familja tiegħu.+ 11 Ġublew issir għalikom din il-ħamsin sena.+ La għandkom tiżirgħu żerriegħa, la taħsdu dak li jinbet miż-żerriegħa taʼ l-art li tkun waqgħet, u lanqas taqtgħu l-għeneb tad-dwieli mhux miżburin tagħha.+ 12 Għax dan hu Ġublew. Għandu jsir xi ħaġa qaddisa għalikom. Mill-għalqa tistgħu tieklu dak li tipproduċi l-art.+
13 “‘F’din is-sena tal-Ġublew għandkom tmorru lura kull wieħed lejn il-proprjetà tiegħu.+ 14 Issa jekk tbigħ xi merkanzija lil sieħbek jew tixtri l-proprjetà minn id sieħbek, tqarrqux b’xulxin.+ 15 Skond l-għadd tas-snin wara l-Ġublew għandek tixtri l-proprjetà mingħand sieħbek; skond l-għadd tas-snin taʼ l-uċuħ tar-rabaʼ għandu jbegħlek.+ 16 Iktar ma jkun kbir l-għadd tas-snin iktar għandu jżid il-prezz tax-xiri tagħha,+ u inqas ma jkunu s-snin iktar għandu jnaqqas il-prezz tax-xiri tagħha, għaliex hu qed ibegħlek l-għadd taʼ l-uċuħ tar-rabaʼ. 17 U ħadd minnkom m’għandu jqarraq b’sieħbu,+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek,+ għaliex jien Ġeħova Alla tagħkom.+ 18 Għalhekk, wettqu l-istatuti tiegħi u ħarsu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi u wettquhom. Imbagħad żgur li tgħammru fuq l-art fis-sigurtà.+ 19 U l-art tabilħaqq li tagħti l-frott tagħha,+ u intom żgur li tieklu sakemm tixbgħu u tgħammru fuqha fis-sigurtà.+
20 “‘Imma jekk tgħidu: “X’se nieklu fis-sebaʼ sena ladarba ma nistgħux niżirgħu żerriegħa jew niġbru l-uċuħ tar-rabaʼ tagħna?”+ 21 f’dan il-każ jien żgur li nixħet fuqkom il-barka tiegħi fis-sitt sena, u l-art tipproduċi l-wiċċ tar-rabaʼ tagħha għal tliet snin.+ 22 U fit-tmien sena tiżirgħu ż-żerriegħa u tieklu mill-wiċċ tar-rabaʼ taʼ qabel sad-disaʼ sena. Sakemm jilħaq il-wiċċ tar-rabaʼ tagħha tieklu minn dak taʼ qabel.
23 “‘Għalhekk, l-art m’għandhiex tinbiegħ għal dejjem,+ għaliex l-art hi tiegħi.+ Għax għalija intom residenti barranin u immigranti.+ 24 U fl-art kollha li tkun tagħkom, għandkom tħallu d-dritt li l-art tinxtara lura.+
25 “‘Jekk ħuk jiftaqar u jkollu jbigħ ftit milli għandu, feddej li jiġi minnu mill-qrib irid jiġi jixtri lura dak li biegħ ħuh.+ 26 U jekk xi ħadd ma jkollux qarib feddej u jagħmel il-qligħ b’idu stess u jkollu biżżejjed biex jixtriha lura, 27 irid jikkalkula wkoll is-snin minn meta biegħha u jrid jagħti lura l-flus li jibqgħu żejda lir-raġel li lilu jkun biegħha, u jmur lura lejn il-proprjetà tiegħu.+
28 “‘Imma jekk ma jkollux biżżejjed f’idu x’jagħtih lura, kulma biegħ irid jibqaʼ wkoll f’id min xtrah sas-sena tal-Ġublew;+ u jrid jingħata lura fil-Ġublew, u hu jmur lura lejn il-proprjetà tiegħu.+
29 “‘Issa jekk raġel ibigħ dar abitabbli f’belt bis-swar, id-dritt tiegħu biex jixtriha lura jrid jibqaʼ validu sakemm tispiċċa s-sena minn dakinhar li jkun biegħ; id-dritt tiegħu biex jixtri lura+ għandu jibqaʼ validu sena sħiħa. 30 Imma jekk ma tinxtarax lura qabel ma s-sena sħiħa tkun għaddietlu għalkollox, id-dar li qiegħda fil-belt li għandha sur trid tibqaʼ wkoll għal dejjem bħala l-proprjetà taʼ min xtraha matul il-ġenerazzjonijiet tiegħu. M’għandhiex tingħata lura fil-Ġublew. 31 Madankollu, id-djar taʼ l-irħula li m’għandhomx sur madwarhom għandhom jitqiesu bħala parti mill-kampanja tal-pajjiż. Id-dritt tax-xiri lura+ għandu jibqaʼ validu għad-dar, u fil-Ġublew+ għandha tingħata lura.
32 “‘Inkwantu għall-bliet tal-Leviti, id-dritt tax-xiri lura tad-djar fil-bliet li huma tagħhom+ għandu jibqaʼ validu għal żmien indefinit għal-Leviti.+ 33 U jekk Levita ma jixtrix lura d-dar li jkun biegħ fil-belt li hi tiegħu, id-dar trid tingħata lura wkoll fil-Ġublew;+ għaliex id-djar fil-bliet tal-Leviti huma tagħhom f’nofs ulied Israel.+ 34 Iktar minn hekk, l-għalqa fl-art fejn jirgħu l-bhejjem+ tal-bliet tagħhom ma tistax tinbiegħ, għaliex hi tagħhom għal żmien indefinit.
35 “‘U jekk ħuk jiftaqar, u b’hekk ikun batut finanzjarjament maġenbek,+ għandek tgħinu,+ bħalma suppost tgħin lir-resident barrani u lill-immigrant,+ u b’hekk ħuk jibqaʼ jgħix miegħek. 36 Tiħux imgħax mingħandu u tisilfux biex tagħmel qligħ minn fuqu,+ imma ibżaʼ minn Alla tiegħek;+ u ħuk irid jibqaʼ jgħix miegħek. 37 Flusek tislifhomlux bl-imgħax,+ u tagħtix l-ikel tiegħek bi qligħ. 38 Jien Ġeħova Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art taʼ l-Eġittu biex nagħtikom l-art taʼ Kangħan,+ biex nuri li jien Alla tagħkom.+
39 “‘U jekk ħuk jiftaqar maġenbek u jkollu jbigħ lilu nnifsu lilek,+ tużahx bħala ħaddiem fix-xogħol taʼ lsir.+ 40 Għandu jkun miegħek bħal ħaddiem mikri,+ bħal immigrant. Għandu jaqdik sas-sena tal-Ġublew. 41 U jrid joħroġ mingħandek, hu u wliedu miegħu, u jmur lura għand il-familja tiegħu, u għandu jerġaʼ lura lejn il-proprjetà taʼ missirijietu.+ 42 Għax huma l-ilsiera tiegħi li ħriġthom mill-art taʼ l-Eġittu.+ M’għandhomx ibigħu lilhom infushom bil-mod li jinbiegħ ilsir. 43 Tgħaffġux taħt saqajk b’tirannija,+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek.+ 44 Imma jekk trid li jkollok ilsir u lsira tistaʼ tiħodhom mill-ġnus li qegħdin madwarkom; mingħandhom tistgħu tixtru lsir u lsira. 45 U wkoll mingħand ulied l-immigranti li qed jgħammru bħala barranin magħkom,+ mingħandhom tistgħu tixtru, u mingħand il-familji tagħhom li qegħdin magħkom u li kienu twildulhom f’artkom; u jsiru tagħkom. 46 U tridu tgħadduhom bħala wirt lil uliedkom warajkom biex jirtuhom u jkunu tagħhom għal żmien indefinit.+ Tistgħu tużawhom bħala ħaddiema, imma lil ħutkom ulied Israel tgħaffġuhomx taħt saqajkom; tgħaffġux wieħed lill-ieħor, b’tirannija.+
47 “‘Imma jekk ir-resident barrani jew l-immigrant li hemm miegħek jistagħna, u ħuk jiftaqar maġenbu u jkollu jbigħ lilu nnifsu lir-resident barrani jew lill-frustier li hemm miegħek, jew lil xi membru tal-familja tar-resident barrani, 48 wara li jkun biegħ lilu nnifsu,+ id-dritt tal-fidwa jibqaʼ validu fil-każ tiegħu.+ Wieħed minn ħutu jistaʼ jixtrih lura.+ 49 Jistaʼ jixtrih lura jew zijuh jew bin zijuh, jew jistaʼ jixtrih lura xi qarib ieħor mid-demm,+ jiġifieri, wieħed mill-familja tiegħu.
“‘Jew jekk hu stess ikun stagħna, għandu jixtri lura lilu nnifsu.+ 50 U jikkalkula maʼ min xtrah mis-sena li jkun inbigħ lilu sas-sena tal-Ġublew,+ u l-flus mill-bejgħ tiegħu jridu jkunu ekwivalenti għall-għadd tas-snin.+ Bil-mod kif jiġu kalkulati l-ġranet tax-xogħol taʼ ħaddiem mikri għandu jiġi trattat.+ 51 Jekk ikun għad baqaʼ ħafna snin, skond kemm snin ikun baqaʼ, għandu jħallas il-prezz tax-xiri lura mill-flus li ngħata meta nxtara. 52 Imma jekk ikun għad baqaʼ ftit snin sas-sena tal-Ġublew,+ irid jikkalkula għalih innifsu. Skond is-snin tiegħu għandu jħallas il-prezz tax-xiri lura tiegħu. 53 Għandu jiġi trattat bħal ħaddiem li jkun mikri+ minn sena għal sena. U int trid tkun ċert li sidu ma jgħaffġux taħt saqajh b’tirannija.+ 54 Madankollu, jekk ma jkunx jistaʼ jixtri lura lilu nnifsu b’dawn il-kundizzjonijiet, irid jingħata lura fis-sena tal-Ġublew,+ hu u wliedu miegħu.
55 “‘Għax tiegħi huma lsiera wlied Israel. Huma l-ilsiera+ tiegħi li jien ħriġt mill-art taʼ l-Eġittu.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.+