Dewteronomju
6 “Issa dawn huma l-kmandamenti, ir-regolamenti, u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li Ġeħova Alla tagħkom ikkmandani biex ngħallimkom,+ sabiex tagħmluhom fl-art li se taqsmu għaliha biex tiħduha f’idejkom; 2 sabiex tibżaʼ+ minn Ġeħova Alla tiegħek u tħares l-istatuti kollha tiegħu u l-kmandamenti tiegħu li qed nikkmandak, int u ibnek u bin ibnek,+ il-jiem kollha taʼ ħajtek, u sabiex ittawwal jiemek.+ 3 Ismaʼ, O Israel, u qis li tagħmilhom,+ sabiex jaħbatlek tajjeb+ u toktor ħafna, sewwasew bħalma wiegħdek Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietek,+ rigward l-art li tnixxi ħalib u għasel.
4 “Ismaʼ, O Israel: Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.+ 5 U ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha+ u b’ruħek kollha+ u bil-forza kollha tiegħek.+ 6 U dan il-kliem li qed nikkmandak illum irid ikun f’qalbek;+ 7 u daħħlu sew f’qalb ibnek+ u tkellem dwaru meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd+ u meta tqum. 8 U orbtu bħala sinjal maʼ idek,+ u jservi bħala strixxa fuq ġbinek bejn għajnejk;+ 9 u iktbu fuq il-koxox tal-bieb taʼ darek u fuq il-bibien taʼ beltek.+
10 “U jrid iseħħ li meta Ġeħova Alla tiegħek idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb li jagħtihielek,+ bliet kbar u sbieħ li ma bnejtx int,+ 11 djar mimlijin bl-affarijiet tajbin kollha li ma mlejtx int, ġwiebi mħaffrin li ma ħaffirtx int, u għelieqi bid-dwieli u siġar taż-żebbuġ li ma ħawwiltx int, u tkun kilt u xbajt,+ 12 oqgħod attent li ma tinsiex+ lil Ġeħova, li ħarġek mill-art taʼ l-Eġittu, minn dar l-ilsiera. 13 Minn Ġeħova Alla tiegħek għandek tibżaʼ,+ u lilu għandek taqdi,+ u b’ismu għandek taħlef.+ 14 Timxux wara allat oħrajn, kwalunkwe alla tal-popli taʼ madwarkom,+ 15 (għax Ġeħova Alla tiegħek f’nofsok hu Alla li jesiġi devozzjoni esklużiva,)+ li ma tmurx ir-rabja taʼ Ġeħova Alla tiegħek tixgħel kontrik+ u jeqirdek għalkollox minn fuq wiċċ l-art.+
16 “Tgħaddux lil Ġeħova Alla tagħkom minn prova,+ kif għaddejtuh minn prova f’Massah.*+ 17 Għandkom assolutament tħarsu l-kmandamenti taʼ Ġeħova Alla tagħkom+ u t-testimonjanzi* tiegħu+ u r-regolamenti tiegħu+ li kkmandak.+ 18 U agħmel dak li hu sewwa u tajjeb f’għajnejn Ġeħova, sabiex jaħbatlek tajjeb+ u tidħol fl-art tajba li dwarha Ġeħova ħalef lil missirijietek u tiħodha f’idejk,+ 19 billi twarrab l-għedewwa kollha tiegħek minn quddiemek, sewwasew bħalma wiegħed Ġeħova.+
20 “Jekk ibnek jistaqsik fil-futur+ u jgħidlek, ‘Xi jfissru t-testimonjanzi u r-regolamenti u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li kkmandakom Ġeħova Alla tagħna?’ 21 imbagħad trid tgħid lil ibnek, ‘Aħna konna lsiera tal-Fargħun fl-Eġittu, imma Ġeħova ħariġna mill-Eġittu b’id b’saħħitha.+ 22 Għalhekk, Ġeħova baqaʼ jagħmel quddiem għajnejna+ sinjali u mirakli,+ kbar u taʼ ħsara, fuq l-Eġittu, fuq il-Fargħun, u fuq in-nies kollha taʼ daru. 23 U ħariġna minn hemmhekk sabiex iġibna hawnhekk biex jagħtina l-art li dwarha kien ħalef lil missirijietna.+ 24 Għalhekk, Ġeħova kkmandana nħarsu dawn ir-regolamenti kollha,+ biex dejjem nibżgħu minn Ġeħova Alla tagħna għall-ġid tagħna,+ sabiex nibqgħu ħajjin bħalma aħna llum.+ 25 U nkunu ġusti+ jekk noqogħdu attenti li nagħmlu dawn il-kmandamenti kollha quddiem Ġeħova Alla tagħna, sewwasew bħalma kkmandana hu.’+