Eżodu
24 U lil Mosè qallu: “Itlaʼ għand Ġeħova, int u Aron, Nadab, Abiħu,+ u sebgħin+ mix-xjuħ taʼ Israel, u milu mill-bogħod. 2 U Mosè waħdu jersaq lejn Ġeħova; imma huma m’għandhomx jersqu, u n-nies m’għandhomx jitilgħu miegħu.”+
3 U Mosè ġie u rrakkonta lin-nies il-kliem kollu taʼ Ġeħova u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha,+ u n-nies kollha wieġbu b’leħen wieħed u qalu: “Aħna lesti li nagħmlu l-kliem kollu li qal Ġeħova.”+ 4 U Mosè niżżel bil-miktub il-kliem kollu taʼ Ġeħova.+ Imbagħad qam kmieni fil-għodu u f’riġlejn il-muntanja bena artal u tnax-il pilastru li jirrappreżentaw lit-tnax-il tribù taʼ Israel.+ 5 Wara dan, bagħat xi rġiel żgħażagħ minn ulied Israel u dawn offrew offerti tal-ħruq u offrew barrin bħala sagrifiċċji, bħala sagrifiċċji taʼ sħubija+ lil Ġeħova. 6 Imbagħad Mosè ħa nofs id-demm u poġġieh fi skutelli,+ u n-nofs l-ieħor tad-demm raxxu fuq l-artal.+ 7 Fl-aħħar ħa l-ktieb tal-patt+ u qrah biex jisimgħuh in-nies.+ Imbagħad huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qal Ġeħova u nobduh.”+ 8 Għalhekk, Mosè ħa d-demm u raxxu fuq in-nies+ u qal: “Dan hu d-demm tal-patt+ li Ġeħova għamel magħkom skond dan il-kliem kollu li għadkom kemm smajtu.”
9 U Mosè, Aron, Nadab, Abiħu, u sebgħin mix-xjuħ taʼ Israel telgħu, 10 u raw lill-Alla taʼ Israel.+ U taħt saqajh kien hemm qisu bħal paviment biċ-ċangaturi taż-żaffir u kien bħas-smewwiet fis-safa tiegħu.+ 11 U ma meddx idu kontra l-irġiel distinti taʼ wlied Israel,+ imma raw viżjoni taʼ l-Alla l-veru+ u kielu u xorbu.+
12 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Itlaʼ ħdejja fuq il-muntanja u oqgħod hemmhekk, għax irrid nagħtik it-twavel tal-ġebel u l-liġi u l-kmandament li rrid nikteb sabiex ngħallimhom.”+ 13 Għalhekk, qamu Mosè u l-qaddej tiegħu Ġożwè, u Mosè telaʼ fuq il-muntanja taʼ l-Alla l-veru.+ 14 Imma lix-xjuħ qalilhom: “Stennewna f’dan il-post sakemm niġu lura ħdejkom.+ U, ara, Aron u Ħur+ qegħdin magħkom. Kulmin ikollu każ taʼ qorti, ħa jmur għandhom.”+ 15 B’hekk, Mosè telaʼ fuq il-muntanja waqt li s-sħaba kienet qed tgħatti l-muntanja.+
16 U l-glorja taʼ Ġeħova+ baqgħet fuq il-Muntanja Sinaj,+ u s-sħaba baqgħet tgħattiha għal sitt ijiem. Sa fl-aħħar, fis-sebaʼ jum hu sejjaħ lil Mosè minn nofs is-sħaba.+ 17 U għal għajnejn ulied Israel id-dehra tal-glorja taʼ Ġeħova kienet bħal nar li jiblaʼ+ fuq il-quċċata tal-muntanja. 18 Imbagħad Mosè daħal f’nofs is-sħaba u kompla tielaʼ fuq il-muntanja.+ U Mosè baqaʼ erbgħin jum u erbgħin lejl fuq il-muntanja.+