Ġeremija
15 U Ġeħova qalli: “Lanqas kieku Mosè+ u Samwel+ kellhom jiġu hawn quddiemi ma kienet tħenn ruħi għal dawn in-nies.+ Kont inkeċċihom minn quddiem wiċċi, u jkollhom imorru.+ 2 U jiġri li jekk jgħidulek, ‘Fejn se mmorru?’ għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova: “Min hu għall-mard qattiel, għall-mard qattiel! U min hu għas-sejf, għas-sejf! U min hu għall-ġuħ,+ għall-ġuħ! U min hu għall-jasar, għall-jasar!”’+
3 “‘U jien nibgħat fuqhom erbaʼ affarijiet,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘is-sejf biex joqtol, u l-klieb biex ikaxkru, u l-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet+ u l-bhejjem taʼ l-art biex jieklu u jħarbtu. 4 U nagħmilhom xi ħaġa tal-waħx għas-saltniet kollha taʼ l-art+ minħabba Manasse bin Ħeżekija, is-sultan taʼ Ġuda, għal dak li għamel f’Ġerusalemm.+ 5 Għax min se jagħdrek, O Ġerusalemm, u min se jħoss għalik,+ u min se jieqaf jistaqsi kif int?’
6 “‘Int abbandunajtni,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. ‘Int tkompli tagħtini dahrek u titbiegħed minni,+ u jien se mmidd idi kontrik u neqirdek.+ Għejejt jiddispjaċini għalik.+ 7 U se nxerridhom bħall-qmuħ b’furkettun+ fil-bibien tal-pajjiż. Inħallihom bla tfal.+ Jien se neqred lill-poplu tiegħi ladarba ma darux lura minn triqathom.+ 8 Għalija r-romol tagħhom kotru iktar mir-ramel tal-baħar. F’nofsinhar+ se nġib għalihom, għall-omm u għaż-żagħżugħ, dak li jħarbathom. F’daqqa waħda nġib fuqhom biżaʼ u inkwiet.+ 9 Il-mara li wildet sebat itfal iddgħajfet; qatgħet nifisha.+ Ix-xemx tagħha niżlet waqt li kien għadu bi nhar+ għax stħat u ħassitha avvilita.’ ‘U dawk li jifdal minnhom nerħihom għas-sejf quddiem l-għedewwa tagħhom,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”
10 Gwaj għalija,+ ommi, għax ulidtni u sirt raġel li taʼ sikwit ikun imdaħħal f’tilwim u tħaqqiq maʼ l-art kollha.+ Ma sellift xejn, u xejn ma sellfuni. Ilkoll kemm huma qed jisħtuni.+
11 Ġeħova qal: “Żgur se ngħinek.+ Fi żmien l-inkwiet u fi żmien in-niket żgur nidħol għalik+ kontra l-għadu tiegħek.+ 12 Jistaʼ xi ħadd jaqsam il-ħadid f’biċċiet, il-ħadid mit-tramuntana, u jistaʼ jaqsam ir-ram aħmar? 13 Ir-riżorsi u t-teżori tiegħek nagħtihom b’xejn, biex jinħatfu bħala priża,+ minħabba dnubietek kollha, fit-territorji kollha tiegħek.+ 14 U ngħaddihom lill-għedewwa tiegħek f’art li ma kontx tafha.+ Għax f’għadbi nxtegħel nar+ u tkebbes kontrikom.”
15 Int taf bis-sitwazzjoni tiegħi.+ O Ġeħova, ftakar fija+ u agħti kasi u tħallas għalija minn dawk li jippersegwitawni.+ Tħallinix ngħib għax iddum biex tagħdab.+ Tinsiex li minħabba fik qed nissaporti ż-żebliħ.+ 16 Kliemek ġie għandi, u jien kiltu;+ u kelmtek saret għalija l-ferħ+ u l-hena taʼ qalbi;+ għax ismek issejjaħ fuqi,+ O Ġeħova, Alla taʼ l-armati.+ 17 Jien ma poġġejtx bil-qiegħda maʼ ġemgħa ħbieb li jħobbu jiċċajtaw+ biex nifraħ magħhom.+ Minħabba idek poġġejt bil-qiegħda waħdi,+ għax int imlejtni b’messaġġ taʼ kundanna.+ 18 Għala nħossni muġugħ il-ħin kollu+ u m’hemmx fejqan għall-ferita tiegħi?+ Ma tridx tfiq. Għalija int veru sirt bħal nixxiegħa qarrieqa,+ bħal ilmijiet li ma tistax tafdahom.+
19 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova: “Jekk terġaʼ lura, jien irreġġgħek lura għandi.+ U toqgħod quddiemi biex taqdini.+ U jekk tagħraf tagħżel dak li hu prezzjuż minn dak li hu bla siwi, tkun bħal fommi. Huma jerġgħu lura għandek, imma int ma terġax lura għandhom.”
20 “U għamiltek għal dan il-poplu sur imsaħħaħ tar-ram aħmar;+ u huma jiġġieldu kontrik, imma ma jegħlbukx.+ Għax jien miegħek, biex insalvak u neħilsek,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 21 “U neħilsek minn taħt idejn il-ħżiena,+ u nifdik minn id it-tiranni.”