Marku
8 F’dawk il-jiem, meta għal darb’oħra kien hemm folla kbira u ma kellhomx x’jieklu, sejjaħ lid-dixxipli u qalilhom:+ 2 “Nitħassarhom+ lil dawn in-nies, għax diġà ilhom tlett ijiem ħdejja u m’għandhom xejn x’jieklu; 3 u li kieku kelli nibgħathom lejn darhom sajmin, iħosshom ħażin fit-triq. Tabilħaqq, xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.” 4 Imma d-dixxipli tiegħu wiġbuh: “F’dan il-post imwarrab minfejn jistaʼ xi ħadd ixebbaʼ lil dawn in-nies bil-ħobż?”+ 5 Iżda baqaʼ jistaqsihom: “Kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa.”+ 6 Għalhekk, qal lin-nies biex jinxteħtu fl-art, ħa s-sebaʼ ħobżiet, radd ħajr,+ qasamhom, u beda jagħtihom lid-dixxipli tiegħu biex iservuhom, u dawn newluhom lill-folla.+ 7 Kellhom ukoll ftit ħut żgħir; u, wara li bierku, qalilhom ukoll biex iservuh.+ 8 Għaldaqstant kielu u xebgħu, u ġabru l-bċejjeċ li baqgħu żejda u mlew sebat iqfief kbar.+ 9 Iktar minn hekk, kien hemm madwar erbat elef raġel. Imbagħad bagħathom.+
10 U minnufih telaʼ fid-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u ġie fl-inħawi taʼ Dalmanuta.+ 11 Hawnhekk ħarġu l-Fariżej u bdew jargumentaw miegħu u, biex jipprovawh,+ riedu mingħandu sinjal mis-sema. 12 Għalhekk, karab karba kbira+ mqanqal mill-ispirtu tiegħu u qal: “Din il-ġenerazzjoni għala tfittex sinjal? Tassew ngħidilkom, Ebda sinjal ma jingħatalha lil din il-ġenerazzjoni.”+ 13 B’dan il-kliem telaqhom, reġaʼ telaʼ fid-dgħajsa, u mar ix-xatt l-ieħor.
14 U ġara li nsew jieħdu l-ħobż magħhom, u ma kellhom xejn fid-dgħajsa ħlief ħobża waħda.+ 15 U beda jordnalhom u jgħidilhom: “Żommu għajnejkom miftuħin, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira t’Erodi.”+ 16 Għalhekk, bdew jargumentaw bejniethom għax ma kellhomx ħobż.+ 17 Billi nnota dan, qalilhom: “Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż?+ Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? Qlubkom għadhom tqal biex jifhmu?+ 18 ‘Għandkom għajnejn u ma tarawx; widnejn u ma tisimgħux?’+ U ma tiftakrux, 19 meta qsamt il-ħames ħobżiet+ għall-ħamest elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Qalulu: “Tnax.”+ 20 “Meta qsamt is-sebgħa għall-erbat elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Qalulu: “Sebgħa.”+ 21 Imbagħad qalilhom: “Għadkom ma fhimtux?”+
22 Issa waslu Betsajda. Hawnhekk xi nies ġabulu raġel agħma, u talbuh bil-ħrara biex imissu.+ 23 U qabad lill-agħma minn idu, ħarġu ’l barra mir-raħal, u, wara li beżaqlu+ fuq għajnejh, qiegħed idejh fuqu u beda jistaqsih: “Qed tara xi ħaġa?” 24 U r-raġel ħares ’il fuq u beda jgħid: “Qed nara xi nies, għax qed nilmaħ bħal siġar, imma mexjin ’l hemm u ’l hawn.” 25 Imbagħad reġaʼ poġġa idejh fuq għajnejn ir-raġel, u dan ra ċar, u fieq, u kien qed jara kollox kif inhu. 26 Għalhekk, bagħtu lejn daru u qallu: “Imma tidħolx fir-raħal.”+
27 Ġesù u d-dixxipli tiegħu issa rħewlha lejn l-irħula taʼ Ċesarija Filippi, u fit-triq beda jistaqsi lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “In-nies min qed jgħidu li jien?”+ 28 Qalulu: “Ġwanni l-Battista,+ oħrajn, Elija,+ u jerġaʼ oħrajn, Wieħed mill-profeti.”+ 29 U staqsiehom: “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġeb u qallu: “Int il-Kristu.”+ 30 Imbagħad, ordnalhom bis-sħiħ biex ma jgħidu lil ħadd dwaru.+ 31 Ukoll, beda jgħallimhom li Bin il-bniedem se jgħaddi minn ħafna tbatijiet u jiġi miċħud mix-xjuħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi u jiġi maqtul,+ u jqum tlett ijiem wara.+ 32 Tabilħaqq, dan il-kliem kien qed jgħidulhom ċar u tond. Imma Pietru ġibdu lejh u beda jċanfru.+ 33 Hu dar, ħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana, għax m’intix taħseb il-ħsibijiet t’Alla imma tal-bnedmin.”+
34 Issa sejjaħ lill-folla lejh mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.+ 35 Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija u minħabba l-aħbar tajba jsalvaha.+ 36 Tassew, x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u jitlef ruħu?+ 37 Tassew, x’se jagħti bniedem flok ruħu?+ 38 Għax kulmin jistħi minħabba fija u minħabba kliemi f’din il-ġenerazzjoni adultera u midinba, Bin il-bniedem ukoll jistħi+ minħabba fih meta jasal fil-glorja taʼ Missieru maʼ l-anġli mqaddsa.”+