Taʼ David.
103 Bierek lil Ġeħova, O ruħi,+
Iva, kulma hemm fija, ħa jbierek l-isem qaddis tiegħu.+
2 Bierek lil Ġeħova, O ruħi,
U tinsiex kulma għamel,+
3 Hu li qed jaħfirlek l-iżbalji kollha,+
Li qed ifejqek mill-mard kollu tiegħek,+
4 Li qed isalvalek ħajtek mill-ħofra,+
Li qed jinkurunak bil-qalb tajba bl-imħabba u l-ħniniet tiegħu,+
5 Li qed jissodisfalek għomrok b’dak li hu tajjeb;+
Żgħożitek tibqaʼ tiġġedded bħal dik t’ajkla.+
6 Ġeħova qed iwettaq atti taʼ ġustizzja+
U deċiżjonijiet ġudizzjarji għal dawk kollha li qed jiġu imbroljati.+
7 Hu għarraf triqatu lil Mosè,+
L-għemejjel tiegħu lil ulied Israel.+
8 Ġeħova ħanin u grazzjuż,+
Bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba.+
9 Mhux se joqgħod il-ħin kollu jsib il-ħtija,+
Lanqas ma se jibqaʼ jżomm f’qalbu għal dejjem.+
10 M’għamlilniex skond dnubietna;+
Lanqas ġab fuqna dak li ħaqqna għall-iżbalji tagħna.+
11 Għax bħalma s-smewwiet huma ogħla mill-art,+
Hekk hi superjuri l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu maʼ dawk li jibżgħu minnu.+
12 Daqskemm tlugħ ix-xemx huwa ’l bogħod minn inżulha,+
Daqshekk biegħed minna nuqqasijietna.+
13 Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu,+
Ġeħova wera ħniena maʼ dawk li jibżgħu minnu.+
14 Għax hu jaf tajjeb kif aħna msawrin,+
U jiftakar li aħna trab.+
15 Imma l-bniedem mortali, jiemu huma bħal tal-ħaxix aħdar;+
Bħall-fjur taʼ l-għalqa jwarrad għal ftit.+
16 Għax jgħaddi riħ minn fuqu, u ma jkunx iktar;+
U l-post fejn kien ma jibqax jagħrfu.+
17 Imma l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova hi minn dejjem għal dejjem+
Maʼ dawk li jibżgħu minnu,+
U s-sewwa tiegħu maʼ wlied l-ulied,+
18 Maʼ dawk li jħarsu l-patt tiegħu+
U maʼ dawk li jiftakru l-ordnijiet tiegħu sabiex iwettquhom.+
19 Ġeħova stabbilixxa fis-sod it-tron tiegħu fis-smewwiet;+
U saltnatu tiddomina fuq kollox.+
20 Bierku lil Ġeħova, O anġli tiegħu,+ setgħanin fil-qawwa, li qed twettqu kelmtu,+
Billi tisimgħu minn leħen kelmtu.+
21 Bierku lil Ġeħova, armati kollha tiegħu,+
Ministri tiegħu, li qed tagħmlu r-rieda tiegħu.+
22 Bierku lil Ġeħova, ħolqien kollu tiegħu,+
Fil-postijiet kollha tad-dominju tiegħu.+
Bierek lil Ġeħova, O ruħi.+