Dewteronomju
19 “Meta Ġeħova Alla tiegħek jeqred il-ġnus+ li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik arthom, u int tkun ħadtilhom il-proprjetà tagħhom u tkun għammart fi bliethom u fi djarhom,+ 2 agħżel tlett ibliet għalik f’nofs artek li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk.+ 3 Ħejji t-triq għalik, u aqsam fi tliet partijiet it-territorju t’artek li Ġeħova Alla tiegħek tak biex tkun tiegħek, biex kulmin joqtol jaħrab hemmhekk.+
4 “Issa dan hu l-każ taʼ dak li joqtol u li jkun jistaʼ jaħrab hemmhekk u jgħix: Meta jidrob lil għajru bla ma jkun jaf kif u bla ma jkun jobogħdu qabel;+ 5 jew meta jmur fil-bosk maʼ sieħbu biex jiġbor l-injam, u jerfaʼ idu biex jagħti daqqa bil-mannara ħalli jaqtaʼ s-siġra, u l-ħadid itir minn fuq il-manku taʼ l-injam,+ u jolqot lil sieħbu u dan imut; hu nnifsu għandu jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet u jibqaʼ ħaj.+ 6 Inkella, dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu+ għad-demm, peress li qalbu tkun għadha tbaqbaq, jitlaq jiġri wara dak li joqtol u jilħqu, għax it-triq tkun twila; u jaħbat għal ruħu u joqtlu, meta fil-fatt ma jkunx hemm sentenza tal-mewt għalih,+ għaliex ma jkunx jobogħdu qabel. 7 Huwa għalhekk li qed nikkmandak u ngħidlek, ‘Tlett ibliet tagħżel għalik.’+
8 “U jekk Ġeħova Alla tiegħek iwessaʼ t-territorju tiegħek skond dak li ħalef lil missirijietek,+ u jagħtik l-art kollha li wiegħed li jagħti lil missirijietek,+ 9 peress li tħares dawn il-kmandamenti kollha li qed nikkmandak illum billi tagħmilhom, biex tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek u timxi fi triqatu dejjem,+ żid tlett ibliet oħrajn għalik maʼ dawn it-tlieta,+ 10 sabiex ebda demm innoċenti+ ma jixxerred f’nofs artek li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt, u ebda ħtija tad-demm ma jkollok fuqek.+
11 “Imma jekk ikun hemm raġel li jobgħod+ lil għajru, u jonsoblu u jqum għalih u jaħbat għal ruħu u joqtlu,+ u r-raġel jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet, 12 ix-xjuħ taʼ beltu jibagħtu jġibuh minn hemmhekk, u jagħtuh f’idejn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, u jkollu jmut.+ 13 Għajnejk m’għandhomx jitħassruh,+ u int warrab il-ħtija tad-demm innoċenti minn Israel,+ sabiex jaħbatlek tajjeb.
14 “Tressaqx lura t-trufijiet tar-rabaʼ t’għajrek,+ meta l-antenati jkunu stabbilew it-trufijiet taʼ wirtek li se tiret fl-art li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk.
15 “Ebda xhud wieħed m’għandu jqum kontra raġel dwar xi żball jew xi dnub,+ fi kwalunkwe dnub li għandu mnejn jagħmel. Il-kwistjoni għandha tiġi stabbilita minn fomm żewġ xhieda jew tlieta.+ 16 Jekk xhud li jfassal il-vjolenza jqum kontra xi raġel biex iġib kontrih akkuża taʼ rvell,+ 17 iż-żewġt irġiel li jkollhom l-argument iridu joqogħdu quddiem Ġeħova, quddiem il-qassisin u l-imħallfin li jkunu qed jaqdu dak iż-żmien.+ 18 U l-imħallfin iridu jfittxu bir-reqqa,+ u jekk ix-xhud ikun xhud falz u jkun ġab akkuża falza kontra ħuh, 19 agħmlulu sewwasew bħalma kellu f’moħħu li jagħmel lil ħuh,+ u int trid teqred il-ħażen minn ġo nofsok.+ 20 Għalhekk, dawk li jibqgħu se jisimgħu u jibżgħu, u qatt ma jerġgħu jagħmlu xi ħaġa ħażina bħal din f’nofsok.+ 21 U għajnejk m’għandhomx tiġihom ħasra:+ ruħ b’ruħ, għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, sieq b’sieq.+