Eżodu
33 U Ġeħova qal ukoll lil Mosè: “Mur, itlaʼ ’l fuq minn hawnhekk, int u l-poplu li int tellajt mill-art taʼ l-Eġittu,+ lejn l-art li dwarha jien ħlift lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, billi għedt, ‘Lil nislek se nagħtiha.’+ 2 U nibgħat anġlu qablek+ u nkeċċi lill-Kangħanin, lill-Amurrin, lill-Ħittin, lill-Pereżin, lill-Ħiwwin, u lill-Ġebusin;+ 3 lejn art li tnixxi ħalib u għasel,+ għax m’iniex se nitlaʼ f’nofsok, għaliex int poplu rasu iebsa,+ biex ma neqirdekx għalkollox fit-triq.”+
4 Meta n-nies semgħu din l-aħbar kerha, bdew jitnikktu;+ u ħadd minnhom ma libes it-tiżjin tiegħu. 5 U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: “Għid lil ulied Israel, ‘Intom poplu rasu iebsa.+ F’mument wieħed+ nistaʼ nitlaʼ f’nofsok u neqirdek għalkollox. Għalhekk, issa inżaʼ minn fuqek it-tiżjin tiegħek, għax irrid inkun naf x’se nagħmillek.’”+ 6 U wlied Israel neżgħu t-tiżjin tagħhom minn fuqhom ħdejn il-Muntanja Ħoreb+ u ma reġgħux libbsuh minn hemmhekk ’il quddiem.
7 U Mosè ħa t-tinda tiegħu u waqqafha barra l-kamp, ’il bogħod mill-kamp; u semmieha tinda tal-laqgħa. U ġara li kulmin kien jistaqsi x’jgħid+ Ġeħova kien joħroġ lejn it-tinda tal-laqgħa, li kienet barra l-kamp. 8 U kien jiġri li malli Mosè kien joħroġ lejn it-tinda, in-nies kollha kienu jqumu,+ u joqogħdu kull wieħed fid-daħla tat-tinda tiegħu stess, u jħarsu fiss lejn Mosè sakemm jidħol fit-tinda. 9 Kien jiġri wkoll li malli Mosè kien jidħol fit-tinda, kienet tinżel il-kolonna tas-sħab,+ u tieqaf fid-daħla tat-tinda u Alla kien ikellem+ lil Mosè. 10 U n-nies kollha kienu jaraw il-kolonna tas-sħab+ wieqfa fid-daħla tat-tinda, u n-nies kollha kienu jqumu u jmilu kull wieħed fid-daħla tat-tinda tiegħu stess.+ 11 U Ġeħova kien ikellem lil Mosè wiċċ imbwiċċ,+ sewwasew bħalma bniedem ikellem lil sieħbu. Meta kien jerġaʼ lura lejn il-kamp, il-qaddej tiegħu+ Ġożwè, bin Nun,+ bħala assistent, ma kienx iwarrab mit-tinda.
12 Issa Mosè qal lil Ġeħova: “Ara, int qed tgħidli, ‘Tellaʼ lil dan il-poplu,’ imma int m’għarraftnix lil min se tibgħat miegħi. Iktar minn hekk, int stess għedt, ‘Nafek b’ismek+ u, barra minn hekk, int approvat f’għajnejja.’ 13 U issa, jekk jogħġbok, jekk jien approvat f’għajnejk,+ ġegħelni nkun naf, jekk jogħġbok, il-mogħdijiet tiegħek,+ ħalli nkun nafek, sabiex inkun approvat f’għajnejk. U ftakar li dan il-ġens hu l-poplu tiegħek.”+ 14 Għalhekk, Hu qal: “Jien stess se niġi miegħek+ u żgur li se nagħtik il-mistrieħ.”+ 15 Għal dan, Mosè qallu: “Jekk ma tiġix magħna int, ittellagħniex minn hawnhekk. 16 U, issa, biex se jkun magħruf li jien approvat f’għajnejk, jien u l-poplu tiegħek? M’huwiex billi int tiġi magħna,+ minħabba li jien u l-poplu tiegħek sirna differenti mill-popli l-oħrajn kollha li qegħdin fuq wiċċ l-art?”+
17 U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: “Se nagħmel ukoll din il-ħaġa li tkellimt dwarha int,+ għaliex int approvat f’għajnejja u jien nafek b’ismek.” 18 Qallu: “Ħallini nara, jekk jogħġbok, il-glorja tiegħek.”+ 19 Imma hu qal: “Jien innifsi se nġiegħlek tara t-tjubija kollha tiegħi,+ u se niddikjara l-isem taʼ Ġeħova quddiemek;+ u se napprova lil min napprova, u nuri ħniena lil min nuri ħniena.”+ 20 U hu żied: “Ma tistax tarali wiċċi, għaliex ebda bniedem ma jistaʼ jarani u madankollu jibqaʼ ħaj.”+
21 U Ġeħova qal ukoll: “Ara! Hawn post ħdejja, u int trid toqgħod fuq il-blata. 22 U jrid iseħħ li meta tkun għaddejja l-glorja tiegħi npoġġik f’toqba fil-blata, u npoġġi l-pala taʼ idi fuqek bħala għata sakemm inkun għaddejt. 23 Imbagħad inneħħi l-pala taʼ idi, u int tarali dahri. Imma ma tistax tarali wiċċi.”+