It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
24 Ġeħova reġaʼ rrabja ħafna mal-Iżraelin meta David ġie mxewwex kontrihom billi ntqallu: “Mur, għodd lil Iżrael u lil Ġuda.” 2 Għalhekk, ir-re qal lil Ġowab, il-kap tal-armata li kien miegħu: “Jekk jogħġbok, mur fit-tribujiet kollha t’Iżrael, minn Dan sa Bir-xeba, u rreġistra n-nies ħalli nkun naf kemm qegħdin.” 3 Imma Ġowab qal lir-re: “Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek jagħmel il-poplu 100 darba iktar milli hu, u jalla għajnejk jaraw dan, sidi r-re. Imma għala tixtieq tagħmel din il-ħaġa?”
4 Imma r-re baqaʼ jinsisti, għalhekk Ġowab u l-kapijiet tal-armata ħarġu minn quddiem ir-re biex jirreġistraw il-poplu t’Iżrael. 5 Imbagħad qasmu l-Ġordan u kkampjaw f’Għarogħer, lejn il-lemin* tal-belt u f’nofs il-wied, u marru lejn il-Gadin, u lejn Ġagħżer. 6 Imbagħad marru Gilegħad u fl-art taʼ Taħtim-ħodsi u komplew sejrin lejn Dan-ġagħan u daru lejn Sidon. 7 Imbagħad marru fil-fortizza taʼ Tir u l-bliet kollha tal-Ħiwwin u tal-Kangħanin, u fl-aħħar spiċċaw Bir-xeba, li hi fin-Negeb taʼ Ġuda. 8 B’hekk, daru l-art kollha u waslu lura Ġerusalemm wara disaʼ xhur u 20 jum. 9 Ġowab ta lir-re l-ammont taʼ nies irreġistrati. Iżrael kienu 800,000 gwerrier armat bix-xabla, u l-irġiel taʼ Ġuda kienu 500,000.
10 Imma David niggżitu l-kuxjenza* wara li għadd il-poplu. Imbagħad qal lil Ġeħova: “Jien dnibt bil-kbir b’dak li għamilt. Jekk jogħġbok Ġeħova, aħfer l-iżball tal-qaddej tiegħek, għax jien aġixxejt t’iblah.” 11 Meta David qam filgħodu, Ġeħova kellem lill-profeta Gad, il-viżjonarju* taʼ David, u qallu: 12 “Mur u għid lil David, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Agħżel waħda minn dawn it-tliet affarijiet li tridni nagħmillek.”’” 13 Għalhekk, Gad mar għand David u qallu: “Trid li jkun hemm sebaʼ snin taʼ ġuħ f’artek? Trid taħrab għal tliet xhur mill-għedewwa tiegħek waqt li jiġru warajk? Jew trid li jkun hemm tlett ijiem taʼ pesta f’artek? Issa kkunsidra sew x’għandi nwieġbu lil Dak li bagħatni.” 14 Għalhekk, David qal lil Gad: “Dan jagħmilni mdejjaq ħafna. Jekk jogħġbok, tħalliniex niġu kkastigati min-nies. Ħa jikkastigana Ġeħova, għax hu ħanin ħafna.”
15 U Ġeħova bagħat pesta fuq Iżrael minn filgħodu saż-żmien li tah. B’hekk, minn Dan sa Bir-xeba mietu 70,000 persuna. 16 Meta l-anġlu ħareġ idu lejn Ġerusalemm biex jeqridha, Ġeħova ddispjaċieh* minħabba l-gwaj, u qal lill-anġlu li kien qed iġib qerda fost il-poplu: “Biżżejjed! Issa niżżel idek.” L-anġlu taʼ Ġeħova kien qiegħed qrib il-post t’Arawna l-Ġebusi, fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.*
17 Meta David ra l-anġlu li kien qed jagħmel dan lill-poplu, qal lil Ġeħova: “Kont jien li dnibt u kont jien li żbaljajt. Imma dawn in-nagħaġ x’għamlu? Jekk jogħġbok, ikkastiga lili u lil dar missieri biss.”
18 Għalhekk, Gad daħal għand David dakinhar u qallu: “Itlaʼ, agħmel artal lil Ġeħova fuq il-post t’Arawna l-Ġebusi, fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.” 19 Għalhekk, David telaʼ bħalma qallu Gad u bħalma kkmanda Ġeħova. 20 Meta Arawna ħares ’l isfel u ra r-re u l-qaddejja tiegħu resqin lejh, minnufih ħareġ u miel b’wiċċu sal-art quddiem ir-re. 21 Arawna staqsa: “Sidi r-re, għala ġejt għandi?” David wieġbu: “Biex nixtri mingħandek il-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali ħalli nibni artal lil Ġeħova, sabiex il-kastig jieqaf minn fuq il-poplu.” 22 Imma Arawna qal lil David: “Tistaʼ tiħodha u toffri dak li jidhirlek li hu tajjeb,* sidi r-re. Hawn għandek il-baqar għall-offerta tal-ħruq u s-slitta tad-dris u l-madmad tal-injam tal-baqar biex tqabbad in-nar. 23 Jien nagħtik dan kollu re.” Imbagħad qal lir-re: “Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek.”
24 Madankollu, ir-re qal lil Arawna: “Le, jien irrid nixtriha mingħandek. M’iniex se noffri lil Ġeħova l-Alla tiegħi sagrifiċċji tal-ħruq mingħajr ma nħallas xejn.” Għalhekk, David xtara l-baqar u l-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali għal 50 xekel* fidda. 25 U David bena artal lil Ġeħova hemm u offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tal-paċi. Ġeħova mbagħad wieġeb it-talb bil-ħniena taʼ David għall-pajjiż, u l-kastig tneħħa minn fuq Iżrael.