Levitiku
20 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Għandek tgħid lill-Iżraelin, ‘Kull Iżraeli u kull barrani li jgħix f’Iżrael li jagħti lil xi ħadd mit-tfal tiegħu lil Molek żgur li għandu jinqatel. In-nies tal-pajjiż għandhom iwaddbulu l-ġebel sakemm imut. 3 Jien se niċħad lil dan ir-raġel u noqtlu,* għaliex ikun ta lil xi wħud mit-tfal tiegħu lil Molek u jkun niġġes il-post qaddis tiegħi u ddiżonora l-isem qaddis tiegħi. 4 U jekk in-nies tal-pajjiż jagħlqu għajnejhom apposta għal dak li jagħmel dan ir-raġel meta jagħti lit-tfal tiegħu lil Molek u ma joqtluhx, 5 jien żgur li niċħad lil dan ir-raġel u l-familja tiegħu. Jien se noqtlu* flimkien maʼ dawk kollha li jingħaqdu miegħu f’li jipprostitwixxu ruħhom billi jqimu lil Molek.
6 “‘Jekk persuna ma tibqax leali lejja* billi ddur lejn il-medji tal-ispirti u lejn dawk li jbassru l-futur, jien żgur li se niċħad lil din il-persuna u noqtolha.*
7 “Tridu tqaddsu lilkom infuskom u ssiru qaddisin, għaliex jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 8 U tridu tobdu l-liġijiet tiegħi. Jien Ġeħova, li qed inqaddiskom.
9 “‘Jekk ikun hemm xi raġel li jisħet lil missieru jew lil ommu żgur li għandu jinqatel. Peress li jkun seħet lil missieru jew lil ommu, demmu stess ikun fuqu.
10 “‘Ir-raġel li jagħmel adulterju maʼ mart xi ħadd żgur li għandu jinqatel, sew l-adulteru u sew l-adultera. 11 Raġel li jkollu relazzjoni sesswali maʼ mart missieru jiddiżonora lil missieru.* It-tnejn li huma żgur li għandhom jinqatlu. Demmhom stess ikun fuqhom. 12 Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali maʼ mart ibnu, it-tnejn li huma żgur li għandhom jinqatlu. Ikunu marru kontra dak li hu naturali. Demmhom stess ikun fuqhom.
13 “‘Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali ma’ raġel,* it-tnejn li huma jkunu għamlu xi ħaġa moqżieża. Żgur li għandhom jinqatlu. Demmhom stess ikun fuqhom.
14 “‘Jekk raġel jiżżewweġ mara u jkollu relazzjoni sesswali m’ommha wkoll, dan hu att oxxen.* Għandhom jaħarqu lilu u lilhom fin-nar, sabiex ma jkunx hemm iktar kondotta oxxena bħal din fostkom.
15 “‘Jekk raġel ikollu x’jaqsam maʼ bhima żgur li għandu jinqatel, u għandkom toqtlu l-bhima wkoll. 16 Jekk mara jkollha x’taqsam maʼ xi bhima, trid toqtol lill-mara u lill-bhima. Żgur li għandhom jinqatlu. Demmhom stess ikun fuqhom.
17 “Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali m’oħtu, bint missieru jew bint ommu, din tkun xi ħaġa tal-mistħija. Iridu jiġu maqtulin.* Hu jkun iddiżonora lil oħtu.* Għandu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.
18 “‘Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali maʼ mara waqt li jkun qed jiġiha d-demm taʼ kull xahar, kemm hu u kemm hi jkunu kixfu t-tnixxija tad-demm tagħha. It-tnejn li huma jridu jiġu maqtulin.*
19 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħt ommok jew m’oħt missierek, għax tkun qed tiddiżonora lil dik li tiġi minnek mill-qrib. It-tnejn li intom għandkom tbatu l-konsegwenzi tal-iżball tagħkom. 20 Raġel li jimtedd maʼ mart zijuh ikun iddiżonora lil zijuh.* Għandhom ibatu l-konsegwenzi tad-dnub tagħhom. Għandhom imutu bla tfal. 21 Jekk raġel jieħu mart ħuh, din tkun xi ħaġa diżgustanti. Hu jkun iddiżonora lil ħuh.* Għandhom imutu bla tfal.
22 “‘Tridu tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha tiegħi, sabiex l-art li se niħodkom biex tgħixu fiha ma tobżoqkomx ’il barra. 23 Issegwux id-drawwiet tal-popli li qed inkeċċi minn quddiemkom, għaliex huma għamlu dawn l-affarijiet kollha u jien nobgħodhom. 24 Hu għalhekk li għedtilkom: “Intom se tieħdu f’idejkom l-art tagħhom, u jien se nagħtihielkom biex tiħduha f’idejkom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li għażiltkom mill-popli.” 25 Tridu tagħmlu distinzjoni bejn annimal nadif u dak mhux nadif u bejn għasfur mhux nadif u dak nadif. Tniġġsux ruħkom b’annimal, għasfur, jew kwalunkwe ħaġa li titkaxkar* fuq l-art li jien għażilt biex tqisuha mhix nadifa. 26 Tridu tkunu qaddisin għalija, għaliex jien, Ġeħova, qaddis, u għażiltkom mill-popli biex tkunu tiegħi.
27 “‘Kull min jagħmilha taʼ medjum tal-ispirti jew ibassar il-futur, sew jekk ikun raġel u sew jekk mara, żgur li għandu jinqatel. In-nies għandhom iwaddbulu l-ġebel sakemm imut. Demmu stess ikun fuqu.’”