Dewteronomju
5 Imbagħad Mosè ġabar lill-Iżraelin kollha u qalilhom: “Iżrael, isimgħu r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li qed ngħidilkom illum, u tridu titgħallmuhom u tobduhom bir-reqqa. 2 Ġeħova l-Alla tagħna għamel patt magħna f’Ħoreb. 3 Dan il-patt Ġeħova m’għamlux maʼ missirijietna imma magħna, dawk kollha li qegħdin hawnhekk illum. 4 Ġeħova kellimkom wiċċ imb wiċċ fuq il-muntanja min-nar. 5 Jien kont qiegħed bejn Ġeħova u bejnkom f’dak iż-żmien biex inwasslilkom il-kelma taʼ Ġeħova, għax intom bżajtu minħabba n-nar u ma tlajtux fuq il-muntanja. Hu qal:
6 “‘Jien Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu fejn kont ilsir. 7 Qatt m’għandu jkollok allat oħrajn ħliefi.*
8 “‘Tagħmilx xi statwa skolpita jew forma* taʼ xi ħaġa li hemm fis-sema, fuq l-art, jew fl-ilmijiet. 9 Tmilx quddiemhom u titħajjarx taqdihom, għaliex jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, Alla li rrid li tqim lili biss, li nġib il-kastig għall-iżball tal-missirijiet fuq it-tfal, sat-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni taʼ dawk li jobogħduni, 10 imma nuri mħabba u lealtà* maʼ dawk li jħobbuni u jobdu l-kmandamenti tiegħi sal-elf ġenerazzjoni.
11 “‘Tużax l-isem taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek b’mod ħażin, għax Ġeħova ma jħallix bla kastig lil min juża ismu b’mod ħażin.
12 “‘Żomm jum is-Sabat biex jibqaʼ qaddis, bħalma kkmandak Ġeħova l-Alla tiegħek. 13 Għandek taħdem u tagħmel ix-xogħol kollu tiegħek f’sitt ijiem, 14 imma s-sebaʼ jum hu sabat għal Ġeħova l-Alla tiegħek. Tagħmel ebda xogħol, la int, la ibnek, la bintek, la l-ilsir tiegħek, la l-ilsira tiegħek, la l-barri tiegħek, la l-ħmar tiegħek, la xi annimal ieħor tiegħek, u lanqas ir-resident barrani li qiegħed ġol-bliet* tiegħek, sabiex l-ilsir u l-ilsira tiegħek jistrieħu bħalek. 15 Ftakar li int kont ilsir fl-art tal-Eġittu u Ġeħova l-Alla tiegħek ħarġek minn hemmhekk b’id b’saħħitha u b’qawwa kbira. Huwa għalhekk li Ġeħova l-Alla tiegħek ikkmandak iżżomm jum is-Sabat.
16 “‘Irrispetta lil missierek u lil ommok, bħalma kkmandak Ġeħova l-Alla tiegħek, biex tgħix ħajja twila u tirnexxi* fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek.
18 “‘Tagħmilx adulterju.
19 “‘Tisraqx.
20 “‘Tixhidx falz kontra xi ħadd.
21 “‘Tixtieqx il-mara taʼ ħaddieħor. Tixxennaqx b’egoiżmu għad-dar taʼ ħaddieħor, għall-għelieqi tiegħu, għall-ilsir tiegħu, għall-ilsira tiegħu, għall-barri tiegħu, għall-ħmar tiegħu, jew għal kwalunkwe ħaġa li hi tiegħu.’
22 “Dawn il-kmandamenti* Ġeħova qalhom lill-kongregazzjoni kollha tagħkom fuq il-muntanja min-nar, mis-sħaba, u mid-dalma l-kbira, b’leħen għoli, u ma żied xejn iktar. Imbagħad, kitibhom fuq żewġ twavel tal-ġebel u tahomli.
23 “Imma malli smajtu l-leħen minn ġod-dlam, waqt li l-muntanja kienet qed taqbad bin-nar, il-kapijiet kollha tat-tribujiet tagħkom u l-anzjani* ġew ħdejja. 24 Imbagħad għedtuli, ‘Ġeħova l-Alla tagħna wriena l-glorja u l-kobor tiegħu, u smajna leħnu min-nar. Illum rajna li Alla jistaʼ jkellem lill-bniedem u dan jistaʼ jibqaʼ ħaj. 25 Imma aħna ma rridux immutu. Għax dan in-nar kbir jistaʼ jeqridna. Jekk inkomplu nisimgħu leħen Ġeħova l-Alla tagħna żgur immutu. 26 Għax min hemm fost il-bnedmin kollha li semaʼ l-leħen tal-Alla l-ħaj jitkellem min-nar, bħalma għamilna aħna, u xorta baqaʼ ħaj? 27 Mur int qrib u ismaʼ kulma se jgħid Ġeħova l-Alla tagħna, u int tkun il-wieħed li jgħidilna kulma jgħidlek Ġeħova l-Alla tagħna, u aħna nisimgħuh u nagħmluh.’
28 “Għalhekk, Ġeħova semaʼ l-kliem li għedtuli, u Ġeħova qalli, ‘Smajt il-kliem li qallek dan il-poplu. Kulma qalu hu tajjeb. 29 Mhux li kieku f’qalbhom dejjem ikunu jridu jirrispettawni ħafna* u jobdu l-kmandamenti tiegħi, imbagħad jirnexxu huma u t-tfal tagħhom għal dejjem! 30 Mur għidilhom: “Morru lura lejn it-tined tagħkom.” 31 Imma int għandek toqgħod hawnhekk miegħi, u jien ngħidlek il-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha li għandek tgħallimhom u li huma jridu jobdu fl-art li qed nagħtihom biex jiħduha f’idejhom.’ 32 Issa intom qisu li tagħmlu bħalma kkmandakom Ġeħova l-Alla tagħkom. Iddurux lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. 33 Għandkom timxu fit-triq kollha li kkmandakom Ġeħova l-Alla tagħkom, sabiex tgħixu, tirnexxu, u ttawlu jiemkom fl-art li se tieħdu f’idejkom.