Lill-Efesin
5 Għalhekk, imitaw lil Alla, bħala tfal għeżież, 2 u komplu uru mħabba, bħalma l-Kristu wkoll ħabbna* u ta lilu nnifsu għalina* bħala offerta u sagrifiċċju jfuħ għal Alla.
3 Lanqas biss għandkom issemmu bejnietkom l-immoralità sesswali,* kull tip taʼ nuqqas taʼ ndafa, jew regħba, bħalma hu xieraq għall-poplu qaddis. 4 Lanqas ma jkun xieraq li taġixxu bla mistħija, titkellmu bla sens, jew tagħmlu ġesti oxxeni, imma minflok irringrazzjaw lil Alla. 5 Għax intom tafu dan, iva, irrealizzajtu li ebda persuna li tagħmel l-immoralità sesswali,* affarijiet mhux nodfa, jew tkun rgħiba, li hi tip t’idolatrija,* mhu se tiret is-saltna t’Alla li jmexxi l-Kristu.
6 Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fil-vojt, għax minħabba dawn l-affarijiet li Alla se jikkastiga lid-diżubbidjenti. 7 Għalhekk, m’għandu jkollkom xejn x’taqsmu magħhom; 8 għax intom darba kontu bħad-dlam, imma issa qiskom bħad-dawl minħabba li intom tal-Mulej. Ibqgħu aġixxu bħal dawk li jimxu fid-dawl.* 9 Għax li tgħix fid-dawl ifisser li tkun qalbek tajba f’kollox, ġust, u tgħix fi qbil mal-verità. 10 Komplu agħmlu ċert x’inhuma l-affarijiet li jaċċetta l-Mulej; 11 u tibqgħux tieħdu sehem f’xogħlijiet li ma jiswew xejn u li huma tad-dlam; minflok, ikxfuhom. 12 Għax l-affarijiet li jagħmlu bil-moħbi, huma tal-mistħija anki biex issemmihom. 13 Id-dawl jikxef l-affarijiet kollha. Allura, l-affarijiet kollha li jinkixfu se jiġu mdawla. 14 Għalhekk, l-Iskrittura tgħid: “Int li int rieqed bħal persuna mejta, qum, u l-Kristu se jiddi fuqek.”
15 Għalhekk, oqogħdu attenti sew biex ma tagħmlux bħan-nies boloh, imma bħan-nies għorrief, 16 billi tużaw* il-ħin bl-aħjar mod, għax iż-żmien hu ħażin. 17 Minħabba f’hekk, tibqgħux tkunu bla raġuni, imma ibqgħu ifhmu xi jrid Ġeħova.* 18 Ukoll, tiskrux* għax dan iwassalkom biex tagħmlu affarijiet ħżiena ħafna, imma ibqgħu irċievu l-ispirtu qaddis. 19 Saħħu lil xulxin* billi tkantaw is-salmi, tfaħħru lil Alla, u tkantaw għanjiet spiritwali. Kantaw u faħħru lil Ġeħova* fi qlubkom. 20 Ukoll, dejjem irringrazzjaw lil Alla u l-Missier tagħna ta’ kollox f’isem il-Mulej Ġesù Kristu tagħna.
21 Kunu sottomessi* lejn xulxin minħabba r-rispett kbir għal* Kristu. 22 Ħalli n-nisa jkunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom bħallikieku lejn il-Mulej. 23 Għax raġel hu kap taʼ martu bħalma l-Kristu hu l-kap tal-kongregazzjoni, peress li hu jsalva dan il-ġisem.* 24 Fil-fatt, bħalma l-kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-Kristu, in-nisa wkoll għandhom ikunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom f’kollox. 25 Irġiel, komplu ħobbu lill-mara tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta ħajtu għaliha. 26 Hu għamel hekk biex iqaddisha, billi jnaddafha bl-ilma, jiġifieri bil-kelma t’Alla. 27 B’hekk, il-kongregazzjoni tkun sabiħa quddiemu, mingħajr tebgħa, tikmix, jew affarijiet bħal dawn, imma tkun qaddisa u mingħajr difett.
28 Bl-istess mod, l-irġiel għandhom iħobbu lill-mara tagħhom, bħalma jħobbu lill-ġisem tagħhom stess. Raġel li jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu. 29 Għax ħadd qatt ma bagħad lil ġismu, imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu jagħmel lill-kongregazzjoni, 30 għax aħna partijiet mill-ġisem tiegħu. 31 “Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, jingħaqad* maʼ martu, u huma jsiru ġisem wieħed.” 32 Is-sigriet qaddis u importanti li qed nitkellem dwaru hu dwar Kristu u l-kongregazzjoni. 33 Minkejja dan, kull wieħed minnkom għandu jħobb lill-mara tiegħu bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett kbir għar-raġel tagħha.