Lill-Galatin
3 Ja Galatin bla sens! Min qarraq bikom, minkejja li ġejtu megħjunin tifhmu b’mod ċar għala Ġesù Kristu ġie msammar maʼ zokk? 2 Dan nixtieq nistaqsikom: L-ispirtu rċivejtuh minħabba li għamiltu dak li tgħid il-Liġi jew minħabba l-fidi f’dak li smajtu? 3 Vera mhux tifhmu? Fil-bidu, intom kontu qed tistrieħu fuq l-ispirtu qaddis,* u issa se tistrieħu fuq ir-raġunar tal-bnedmin?* 4 Kien għalxejn li għaddejtu minn tant tbatija? Jien ċert li ma kienx għalxejn. 5 Allura, dak li jagħtikom l-ispirtu u jagħmel il-mirakli fostkom, jagħmel dan minħabba li tobdu l-Liġi jew minħabba l-fidi li għandkom f’dak li smajtu? 6 Aħsbu dwar Abraham, hu “fada f’Ġeħova,* u ġie kkunsidrat ġust.”*
7 Intom żgur tafu li dawk li għandhom il-fidi huma t-tfal t’Abraham. 8 Fl-Iskrittura, Alla qal minn qabel li kien se jiddikjara ġusti lil nies mill-popli minħabba l-fidi tagħhom. Hu qal din l-aħbar tajba lil Abraham minn qabel, billi qallu: “Il-popli kollha tal-art se jitbierku permezz tiegħek.” 9 Għalhekk, dawk li juru li għandhom il-fidi qed jiġu mberkin flimkien m’Abraham, li kellu l-fidi.
10 Dawk kollha li jistrieħu biss fuq il-Liġi huma misħutin, għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Misħut min ma jobdix dak li hemm miktub fl-iskroll tal-Liġi.” 11 Iktar minn hekk, aħna nistgħu naraw b’mod ċar li Alla ma jiddikjara lil ħadd ġust minħabba li jobdi l-Liġi, għax “il-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu.” 12 Il-Liġi mhix ibbażata fuq il-fidi, anzi “kull min jagħmel dawn l-affarijiet se jgħix permezz tagħhom.” 13 Kristu xtrana u ħelisna mis-saħta tal-Liġi billi sar saħta minflokna, għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Kull min jiġi mdendel maʼ zokk hu misħut.” 14 Dan ġara biex il-barka li ġiet imwiegħda lil Abraham igawdu minnha popli oħra permezz taʼ Kristu Ġesù, ħalli b’hekk aħna nkunu nistgħu nirċievu l-ispirtu mwiegħed permezz tal-fidi tagħna.
15 Ħuti, ħa nagħtikom eżempju mill-ħajja taʼ kuljum: Meta patt jiġi aċċettat, ħadd ma jistaʼ jħassru jew iżid xi affarijiet miegħu, anki jekk ikun sar minn bniedem. 16 Issa l-wegħdi saru m’Abraham u mad-dixxendent tiegħu.* L-Iskrittura ma tgħidx “id-dixxendenti tiegħek,” bħallikieku qed tirreferi għal ħafna nies, imma tgħid “id-dixxendent tiegħek,” jiġifieri għal persuna waħda, li hu Kristu. 17 Iktar minn hekk, ngħidilkom: Alla l-ewwel għamel il-patt m’Abraham, u wara 430 sena hu ta l-Liġi lill-poplu tiegħu, imma l-Liġi ma ħassritx il-patt u ma ġabitx fix-xejn il-wegħda t’Alla. 18 Jekk il-wirt hu bbażat fuq li wieħed jobdi l-Liġi, mela m’għadux ibbażat fuq wegħda. Imma b’qalb tajba, Alla ta dan il-wirt lil Abraham permezz taʼ wegħda.
19 Allura l-Liġi għala ngħatat? Din ngħatat biex tikxef in-nuqqasijiet, sakemm jasal id-dixxendent t’Abraham* li ngħata l-wegħda. Alla uża l-anġli biex jagħti din il-Liġi lil Mosè, imbagħad Mosè ta l-Liġi lin-nies. 20 Però, meta jkun hemm persuna waħda biss involuta, m’hemmx għalfejn li xi ħadd jgħin biex ikun hemm qbil. L-istess Alla, hu kien waħdu meta għamel din il-wegħda. 21 Allura l-Liġi hi kontra l-wegħdi t’Alla? Żgur li le! Għax jekk in-nies ngħataw liġi li setgħet tagħtihom il-ħajja, allura kienu se jiġu kkunsidrati ġusti permezz tagħha. 22 Imma l-Iskrittura wriet li n-nies tqiegħdu taħt il-kontroll tad-dnub, ħalli dawk li juru fidi f’Ġesù Kristu jkunu jistgħu jirċievu l-wegħda t’Alla.
23 Madankollu, qabel ma emminna fi Kristu,* il-Liġi kienet għassa tagħna, u konna taħt il-kontroll tagħha, waqt li stennejna x’se juri Alla. 24 Għalhekk, il-Liġi saret bħala gwida* li twassalna lejn Kristu, ħalli b’hekk niġu ddikjarati ġusti permezz tal-fidi. 25 Imma issa li qed nemmnu fi Kristu,* m’għandniex bżonn il-Liġi biex tiggwidana.
26 Fil-fatt, intom kollha tfal t’Alla permezz tal-fidi tagħkom fi Kristu Ġesù. 27 Għax intom ilkoll li tgħammidtu u ngħaqadtu maʼ Kristu, sirtu bħal Kristu. 28 La hemm Lhudi u lanqas Grieg,* la hemm ilsir u lanqas ħieles, la hemm raġel u lanqas mara, għax intom ilkoll magħqudin bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. 29 Iktar minn hekk, jekk intom dixxipli taʼ Kristu, intom vera dixxendenti t’Abraham,* u se tirċievu l-wirt li Alla wiegħed.