Isaija
19 Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra l-Eġittu:
Ġeħova riekeb fuq sħaba li għaddejja bil-ħeffa u ġej l-Eġittu.
L-allat li ma jiswew għal xejn tal-Eġittu se jirtogħdu quddiemu,
U l-Eġizzjani se jibżgħu ħafna.*
2 “Jien se nġiegħel l-Eġizzjani jiħduha kontra l-Eġizzjani,
U huma se jiġġieldu kontra xulxin,
Kull wieħed kontra ħuh u l-ġar tiegħu,
Belt kontra belt, u saltna kontra saltna.
3 Dawk fl-Eġittu se jitħawdu,
U jien se nfixkel il-pjanijiet tagħhom.
Huma se jduru lejn allat li ma jiswew għal xejn,
U lejn is-sħaħar, il-medji tal-ispirti, u n-nies li jbassru l-futur.
4 Lill-Eġizzjani se nagħtihom f’idejn sid kiefer,
U re aħrax se jmexxi fuqhom,” jgħid il-Mulej il-veru, Ġeħova tal-armati.
5 L-ilma tal-baħar se jisparixxi,
U x-xmara se tinxef u ssir qoxqox.
6 Ix-xmajjar se jintnu;
Il-kanali tan-Nil tal-Eġittu se jitbaxxew u jinxfu.
Il-qasab u l-ħaxix li jikbru fl-ilma se jitmermru.
7 Il-pjanti tul ix-Xmara Nil, mal-bokka tan-Nil,
U l-art kollha li hi miżrugħa tul in-Nil se jinxfu.
Dawn se jittajru u ma jibqgħux jeżistu.
8 U s-sajjieda se jagħmlu d-dwejjaq,
Dawk li jitfgħu s-snanar fin-Nil se jibku,
U dawk li jifirxu x-xbieki tagħhom fl-ilma se jonqsu.
9 Dawk li jagħmlu d-drapp mill-kittien
U dawk li jagħmlu d-drapp abjad bil-magna tal-insiġ se jkollhom jistħu.
10 L-Eġizzjani li jinsġu se jħossuhom imkissrin,
U l-ħaddiema kollha li huma mikrija se jsewdu qalbhom.
11 Il-mexxejja taʼ Sogħan huma boloh.
L-iktar nies għorrief li jagħtu l-pariri lill-Fargħun jagħtu pariri bla sens.
Kif tistgħu tgħidu lill-Fargħun:
“Jien niġi min-nies għorrief
U mir-rejiet tal-qedem”?
12 Allura fejn huma l-irġiel għorrief tiegħek?
Ħa jgħidulek huma jekk jafu xi ddeċieda Ġeħova tal-armati dwar l-Eġittu.
13 Il-mexxejja taʼ Sogħan aġixxew bi bluha;
Il-mexxejja taʼ Nof* ġew imqarrqin;
Il-kapijiet tat-tribujiet tal-Eġittu żvijaw lin-nies.
14 Ġeħova se jitfaʼ lill-Eġizzjani f’konfużjoni;
Dawk li jmexxu fl-Eġittu jiżvijaw lin-nies għalkollox,
Bħal xi ħadd fis-sakra li jiżloq fir-remettar tiegħu.
15 U l-Eġizzjani mhux se jkollhom iktar xogħol x’jagħmlu,
16 Dakinhar l-Eġittu jsir bħal mara, jitriegħed u jibżaʼ minħabba li Ġeħova tal-armati jxejjer il-ponn kontrih. 17 U l-art taʼ Ġuda se ssir xi ħaġa li twerwer l-Eġittu. Anki jekk biss jisimgħu dwarha, l-Eġizzjani se jibżgħu minħabba dak li ddeċieda Ġeħova tal-armati kontrihom.
18 Dakinhar se jkun hemm ħamest ibliet fl-art tal-Eġittu li n-nies tagħhom jitkellmu bil-lingwa taʼ Kangħan u jaħilfu li se jkunu leali lejn Ġeħova tal-armati. Waħda mill-bliet se tissejjaħ Il-Belt tal-Qerda.
19 Dakinhar se jkun hemm artal għal Ġeħova f’nofs l-art tal-Eġittu, u kolonna għal Ġeħova fil-fruntiera tiegħu. 20 Dawn se jkunu bħala sinjal u xhieda għan-nies biex jiftakru f’Ġeħova tal-armati fl-art tal-Eġittu, għax in-nies se jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna minħabba dawk li jaħqruhom. Hu se jibagħtilhom lil xi ħadd impressjonanti biex isalvahom. 21 Ġeħova se jsir magħruf mal-Eġizzjani, u l-Eġizzjani se jsiru jafu lil Ġeħova dakinhar, u huma se joffru sagrifiċċji, jagħtu rigali, u jagħmlu wegħda lil Ġeħova u jżommuha. 22 Ġeħova se jikkastiga lill-Eġittu. Se jikkastigah u jfejjaq lin-nies tiegħu. Huma se jerġgħu lura lejn Ġeħova, u hu se jaċċetta t-talb bil-ħniena tagħhom u jfejjaqhom.
23 Dakinhar se jkun hemm triq prinċipali mill-Eġittu għall-Assirja. Imbagħad l-Assirjani jiġu l-Eġittu, u l-Eġizzjani jmorru l-Assirja, u l-Eġizzjani u l-Assirjani jaqdu lil Alla flimkien. 24 Dakinhar, in-nies t’Iżrael se jingħaqdu mal-Eġizzjani u l-Assirjani, huma se jkunu barka fl-art, 25 għax Ġeħova tal-armati se jberikhom u jgħid: “Ħa jkun imbierek l-Eġittu, li hu l-poplu tiegħi, l-Assirja li hi xogħol idejja, u Iżrael li hu l-wirt tiegħi.”