Ġeremija
22 Hekk jgħid Ġeħova: “Mur fil-palazz tar-re taʼ Ġuda, u wassallu dan il-messaġġ. 2 Għandek tgħidlu, ‘Ismaʼ dak li jgħid Ġeħova, re taʼ Ġuda li qiegħed fuq it-tron taʼ David, int u l-qaddejja u l-poplu tiegħek, jiġifieri dawk li jidħlu minn dawn il-bibien. 3 Hekk jgħid Ġeħova: “Agħmlu l-ġustizzja u s-sewwa. Eħilsu lil min qed jiġi misruq mill-imbroljuni. Tittrattawx ħażin lir-resident barrani u tagħmlux ħsara lill-orfni* jew lin-nisa romol. U toqtlux nies innoċenti f’dan il-post. 4 Għax jekk toqgħod attent li tagħmel dak li ngħidlek, imbagħad ir-rejiet li joqogħdu fuq it-tron taʼ David se jidħlu mill-bibien taʼ dan il-palazz rekbin fuq karrijiet u żwiemel, flimkien mal-qaddejja u l-poplu tagħhom.”’
5 “‘Imma jekk ma tobdix dak li qed ngħidlek, naħlef bija nnifsi li dan il-palazz isir ħerba,’ jgħid Ġeħova.
6 “Għax hekk jgħid Ġeħova dwar il-palazz tar-re taʼ Ġuda,
‘Int bħal foresta taʼ Gilegħad għalija,
Bħall-quċċata tal-muntanja tal-Libanu.
Imma jien nagħmlek deżert;
Ma jkunx hemm belt waħda li jgħixu n-nies fiha.
Huma se jaqtgħu l-aqwa siġar taċ-ċedri
U jitfgħuhom fin-nar.
8 “‘U nies minn ħafna popli se jgħaddu minn quddiem din il-belt u jgħidu: “Għala Ġeħova għamlilha hekk lil din il-belt il-kbira?” 9 U mbagħad huma se jgħidu: “Għax telqu l-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom u mielu quddiem allat oħrajn u qdewhom.”’
10 Tibkux għar-re li miet
U m’għandux jiddispjaċikom għalih.
Minflok, ibku ħafna għal min sejjer fl-eżilju,
Għax mhux se jerġaʼ jara art twelidu.
11 “Għax dwar Sallum* bin Ġosija, ir-re taʼ Ġuda li qed imexxi minflok missieru Ġosija u li ħareġ minn dan il-post, Ġeħova jgħid: ‘Hu qatt mhu se jerġaʼ lura pajjiżu. 12 Għax hu se jmut fil-post fejn ħaduh fl-eżilju, u din l-art mhux se jaraha iktar.’
13 Ħażin għal min qed jibni d-dar tiegħu b’mod diżonest
U l-kmamar taʼ fuq mingħajr ġustizzja,
Li jġiegħel lil sieħbu jaqdih għalxejn
Billi ma jkunx irid jagħtih il-paga;
14 Il-wieħed li jgħid, ‘Se nibni dar kbira għalija nnifsi
Bi kmamar taʼ fuq spazjużi.
Nagħmlilha twieqi,
Niksiha biċ-ċedru, u niżbogħha bl-aħmar.’
15 Jaqaw se tkompli tmexxi int minħabba li użajt iktar ċedru minn oħrajn?
Anki missierek kiel u xorob,
Imma hu għamel il-ġustizzja u s-sewwa,
U b’hekk irnexxa.
16 Hu ddefenda l-kawża legali tal-batut u l-fqir,
Għalhekk mar kollox sew.
‘Hu għamel hekk għax kien jafni,’ jgħid Ġeħova.
17 ‘Imma int moħħok* biss biex tagħmel qligħ diżonest,
Toqtol nies innoċenti,
U tagħmel il-frodi u tieħu l-affarijiet taʼ ħaddieħor.’
18 “Għalhekk, dwar Ġeħojakim bin Ġosija, ir-re taʼ Ġuda, Ġeħova jgħid,
‘Mhux se jibkuh u jgħidu lil xulxin:
“Jaħasra ħija! Jaħasra oħti!”
Mhux se jibkuh u jgħidu:
“Jaħasra sidi! Jaħasra kif spiċċat il-glorja tiegħu!”
20 Itlaʼ* fuq il-Libanu u għajjat,
Għolli leħnek fil-Basan,
U għajjat mill-Għabarim,
Għax il-maħbubin kollha tiegħek ġew meqrudin.
21 Jien kellimtek meta kont qed tħossok fis-sigurtà.
Imma int għedt, ‘M’iniex se nobdi.’
Ilek iġġib ruħek hekk mindu kont żgħira,
Għax int m’obdejtx dak li għedtlek.
Imbagħad int se tiġi mġiegħla tistħi u tkun umiljata minħabba l-inkwiet kollu li għandek.
23 Int li qisek tgħix fil-Libanu,
Fil-kenn tas-siġar taċ-ċedri,
Kemm se tgħajjat meta jiġi l-uġigħ fuqek,
L-uġigħ bħal taʼ mara li qed twelled!”
24 “Ġeħova l-Alla l-ħaj jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi li lanqas li kieku int, Konija* bin Ġeħojakim, ir-re taʼ Ġuda, kont iċ-ċurkett tas-siġill fuq idi l-leminija, xorta kont naqilgħek minn hemm. 25 Jien se nagħtik f’idejn dawk li qed jipprovaw joqtluk, dawk li tibżaʼ minnhom, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja u l-Kaldin. 26 U nitfaʼ lilek u lil ommok f’pajjiż ieħor fejn ma twilidtux, u hemmhekk tmutu. 27 U qatt mhu se terġaʼ lura lejn il-pajjiż li tixtieq tmur fih.
28 Hu dan ir-raġel Konija sempliċi borma mkissra u mibgħuda,
Reċipjent li ħadd ma jrid?
Għala hu u t-tfal tiegħu ġew imkeċċijin
F’pajjiż li ma jafux?’
29 Nies li tgħixu fil-pajjiż,* isimgħu dak li jgħid Ġeħova.
30 Hekk jgħid Ġeħova:
‘Irreġistraw lil dar-raġel bħala li ma kellux tfal,
Bħala raġel li ma kellu l-ebda suċċess matul ħajtu,
Għax ħadd mit-tfal tiegħu mhu se jirnexxilu
Joqgħod fuq it-tron taʼ David u jerġaʼ jmexxi lil Ġuda.’”