Ġeremija
16 Ġeħova reġaʼ qalli: 2 “La għandek tiżżewweġ u lanqas ikollok tfal f’dan il-post. 3 Għax dwar it-tfal subien u bniet li jitwieldu hawn u dwar ommhom u missierhom stess, jien, Ġeħova, ngħid: 4 ‘Se jmutu b’mard qerriedi, imma ħadd mhu se jibkihom jew jidfinhom. Se jsiru bħal demel fuq wiċċ l-art. Huma se jinqerdu bix-xabla u bil-ġuħ, u l-iġsma mejtin tagħhom se jsiru ikel għall-għasafar u għall-annimali.’
‘Għax jien neħħejt il-paċi tiegħi minn dan il-poplu,’ jgħid Ġeħova,
‘U mhux se nurihom qalb tajba* u ħniena.
6 Kemm il-kbar u kemm iż-żgħar se jmutu f’din l-art.
Mhux se jiġu midfunin.
Ħadd mhu se jibkihom
U ħadd mhu se jqattaʼ lilu nnifsu jew iqaxxar xagħru għalihom.*
7 Ħadd mhu se jagħti ikel lil dawk imdejqin
Biex ifarraġhom minħabba l-mejtin tagħhom.
U ħadd mhu se jagħti tazza tal-inbid
Biex iħossuhom aħjar minħabba t-telfa taʼ missierhom jew ommhom.
8 Tidħolx f’dar fejn hemm festa
U tpoġġix magħhom biex tiekol u tixrob.’
9 “Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: ‘F’dan il-post, fi żmienkom u quddiem għajnejkom, se nwaqqaf il-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, u l-leħen tal-għarus u tal-għarusa.’
10 “Meta tgħid dan kollu lil dan il-poplu, huma se jistaqsuk, ‘Ġeħova għala qal li se jġib dan id-diżastru kollu fuqna? Liema żball jew dnub għamilna kontra Ġeħova l-Alla tagħna?’ 11 Int għandek twiġibhom, ‘Ġeħova jgħid, “Għax missirijietkom abbandunawni. Huma baqgħu jimxu wara allat oħra, jaqduhom, u jmilu quddiemhom. Imma lili abbandunawni u m’obdewx il-liġijiet tiegħi. 12 Intom ġibtu ruħkom agħar minn missirijietkom, u kull wieħed minnkom b’ras iebsa baqaʼ jagħmel dak li tixtieq qalbu li hi ħażina, minflok jobdini. 13 Allura se nkeċċikom minn din l-art u nitfagħkom f’art li la intom u lanqas missirijietkom ma jafu biha, u hemm se jkollkom taqdu allat oħra lejl u nhar, għax mhux se nurikom ħniena.”’
14 “Ġeħova jgħid, ‘Imma ġej żmien li minflok jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu, 15 jibdew jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tat-Tramuntana u mill-pajjiżi kollha fejn xerridthom. U jien se nġibhom lura fil-pajjiż tagħhom, li kont tajt lil missirijiethom.’
16 Ġeħova jgħid, ‘Qed nibgħat għal ħafna sajjieda,
U huma se jistadu għalihom.
Imbagħad se nibgħat għal ħafna kaċċaturi,
U huma se jikkaċċjawhom fuq kull muntanja u għolja
U fix-xquq tal-blat.
17 Għax jien nara kulma jagħmlu.
Huma xejn ma jistgħu jaħbu minni,
Lanqas l-iżbalji tagħhom.
18 Imma qabel nurihom ħniena, se nagħtihom dak kollu li ħaqqhom għall-iżbalji u d-dnubiet tagħhom,
Għax huma niġġsu l-art tiegħi bl-idoli bla ħajja u moqżieża tagħhom,
U mlew il-wirt tiegħi b’affarijiet diżgustanti.’”
19 Ġeħova, int is-saħħa u l-fortizza tiegħi
Fejn naħrab fi żmien taʼ inkwiet.
Għandek se jiġu l-popli minn truf l-art,
U dawn se jgħidu: “Missirijietna baqgħu jżommu mat-tradizzjoni taʼ li jqimu allat foloz,*
Affarijiet bla sens u bla bżonn li mhumiex taʼ ġid.”
20 Il-bniedem ma jistax jagħmel allat għalih innifsu,
Għax fir-realtà, mhumiex allat.
21 “Allura se ngħallimhom.
Dak iż-żmien, se nurihom il-qawwa u s-saħħa tiegħi,
U huma se jkollhom ikunu jafu li ismi hu Ġeħova.”