Ġob
4 Elifaż it-Temani mbagħad wieġbu:
2 “Jekk xi ħadd jipprova jkellmek, se tkun lest li tisimgħu?
Għax kif tistaʼ ma titkellimx?
3 Veru, int għallimt lil ħafna,
U kont issaħħaħ lil min kien dgħajjef.
4 Kliemek kien jgħin lil dawk li jitfixklu,
U kont issaħħaħ lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna.
5 Imma issa int ġejt fl-inkwiet, u ma tiflaħx għalih;
Qed tgħaddi minnu u qed tħossok skuraġġit.
6 Jekk għandek rispett lejn Alla, kif ma tafdax fih?
U jekk int leali lejh, kif m’għandekx tama?
7 Taf lil xi ħadd innoċenti li miet qabel iż-żmien?
Jew lil xi ħadd sewwa li nqered?
8 Li naf hu li min iħawwel dak li hu taʼ ħsara
U min jiżraʼ l-inkwiet mhux se jaħsad xi ħaġa tajba.
9 Huma jmutu meta Alla jibgħat riħ qawwi fuqhom,
U jeqridhom bir-rabja tiegħu.
10 L-iljun jistaʼ jgħajjat kemm jiflaħ,
Imma anki s-snien taʼ ljuni b’saħħithom jinkisru.
11 Iljun imut jekk ma jaqbadx x’jiekol,
U l-frieħ tiegħu ma jibqgħux flimkien.
12 Ġie xi ħadd ikellimni bil-moħbi,
U qalli xi ħaġa f’widnejja.
13 Billejl meta n-nies jorqdu fil-fond,
Jien kelli viżjonijiet li inkwetawni.
14 Qabditni rogħda kbira,
U mtlejt bil-biżaʼ.
15 Għadda spirtu minn quddiemi
U ġismi qam xewk xewk.
16 Imbagħad waqaf,
Imma jien m’għaraftux.
Kien hemm xi ħaġa quddiem għajnejja;
Imbagħad waqgħet kalma, u smajt:
17 ‘Jistaʼ bniedem ikun iktar ġust minn Alla?
Jistaʼ bniedem ikun aħjar minn Dak li Ħalqu?’
18 Hu lanqas biss jafda l-qaddejja tiegħu.
Hu jsib xi jgħid anki fl-anġli* tiegħu.
19 Aħseb u ara kemm se jafda lil dawk li jgħixu fi djar tat-tafal,
Li huma mibnijin fuq it-trab,
Li jitfarrku faċilment bħal farfett!
20 Filli jkunu ħajjin u filli jmutu;
Jinqerdu għal dejjem u ħadd ma jinduna.
21 Dawn in-nies huma bħal tinda li jitneħħielha l-ħabel.
Imutu mingħajr ma jkollhom għarfien.