L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
9 Issa kien hemm raġel mit-tribù taʼ Benjamin li kien jismu Kis. Hu kien bin Abijel, bin Seror, bin Bekorat, bin Afija, u dan il-Benjamini kien raġel sinjur ħafna. 2 Hu kellu tifel jismu Sawl li kien żagħżugħ u gustuż. Ħadd mill-Iżraelin ma kien iktar gustuż minnu, u hu kien itwal min-nies kollha minn spallejh ’il fuq.
3 Meta lil Kis intilfulu l-ħmir,* hu qal lil ibnu Sawl: “Jekk jogħġbok, ħu miegħek wieħed mill-qaddejja u mur fittex il-ħmir.” 4 Huma għaddew mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm u mill-art taʼ Salisa, u ma sabuhomx. U vvjaġġaw mill-art taʼ Sagħlim, imma ma kinux hemmhekk. Huma għaddew mill-art tal-Benjamini, u ma sabuhomx.
5 U daħlu fl-art taʼ Suf, u Sawl qal lill-qaddej tiegħu: “Ejja mmorru lura, li ma jmurx missieri jibda jinkwieta fuqna minflok fuq il-ħmir.” 6 Imma hu wieġbu: “Hemm qaddej t’Alla f’din il-belt, raġel onorat. Kulma jgħid żgur jiġri. Ejja mmorru hemmhekk, forsi jkun jistaʼ jgħidilna fejn għandna mmorru.” 7 Imbagħad Sawl qal lill-qaddej tiegħu: “X’nistgħu niħdulu lil dan ir-raġel jekk immorru? M’għandniex ħobż fl-ixkejjer tagħna u m’hemm xejn x’niħdulu bħala rigal lill-qaddej tal-Alla l-veru. X’nistgħu nagħtuh?” 8 Għalhekk, il-qaddej reġaʼ wieġeb lil Sawl: “Ara, f’idi għandi kwart taʼ xekel* fidda. Se nagħtih lill-qaddej tal-Alla l-veru, u hu jgħidilna fejn irridu mmorru.” 9 (Qabel f’Iżrael, meta raġel kien imur ifittex lil Alla kien jgħid hekk: “Ejjew ħa mmorru għand il-veġġent.”* Għax il-profeta tal-lum kienu jgħidulu veġġent qabel.) 10 Imbagħad Sawl qal lill-qaddej tiegħu: “Sewwa qed tgħid, tlaqna.” Għalhekk, marru lejn il-belt fejn kien hemm il-qaddej tal-Alla l-veru.
11 Huma u telgħin lejn il-belt, iltaqgħu maʼ xi tfajliet ħerġin biex itellgħu l-ilma. Għalhekk staqsewhom: “Il-profeta hawn qiegħed?” 12 Huma wieġbu: “Iva. Ara, qiegħed qabilkom. Għaġġlu, illum ġie fil-belt għax in-nies qed jagħmlu sagrifiċċju fil-post għall-qima li qiegħed fl-għoli. 13 Malli tidħlu fil-belt, issibuh qabel ma jitlaʼ lejn il-post fl-għoli biex jiekol. In-nies mhux se jieklu qabel ma jasal, għax hu jbierku s-sagrifiċċju. Wara dan, il-mistidnin ikunu jistgħu jieklu. Mela itilgħu issa, u ssibuh.” 14 Għalhekk, telgħu lejn il-belt u meta daħlu, Samwel kien ħiereġ jiltaqaʼ magħhom biex jitilgħu lejn il-post fl-għoli.
15 Il-ġurnata taʼ qabel ma mar Sawl, Ġeħova kien qal lil* Samwel: 16 “Għada madwar dan il-ħin, nibgħatlek raġel mill-art taʼ Benjamin. Int trid tagħżlu* bħala mexxej fuq il-poplu tiegħi Iżrael, u hu jsalva lill-poplu tiegħi minn id il-Filistin. Għaliex jien rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi, u smajt l-għajta tagħhom.” 17 Meta Samwel ra lil Sawl, Ġeħova qallu: “Hawn hu r-raġel li dwaru għedtlek, ‘Dan hu l-wieħed li se jmexxi* l-poplu tiegħi.’”
18 Imbagħad Sawl resaq lejn Samwel ħdejn il-bieb tal-belt u qallu: “Jekk jogħġbok, tistaʼ tgħidli fejn joqgħod il-profeta?” 19 Samwel wieġbu: “Jien il-profeta. Itlaʼ qabli lejn il-post fl-għoli, u intom tieklu miegħi llum. U nibagħtek filgħodu, u kulma tixtieq tkun taf* ngħidhulek. 20 Tinkwetax dwar il-ħmir li ntilfu tlett ijiem ilu, għax instabu. Wara kollox, kulma hu prezzjuż f’Iżrael hu tiegħek u tad-dar kollha taʼ missierek.” 21 U Sawl wieġbu: “Jien mit-tribù taʼ Benjamin, l-iżgħar tribù t’Iżrael, u l-familja tiegħi hi l-inqas importanti mill-familji kollha tat-tribù taʼ Benjamin. Allura għala għedtli hekk?”
22 Imbagħad Samwel ħa lil Sawl u lill-qaddej tiegħu fis-sala tal-ikel u tahom l-iktar post importanti fost il-mistidnin, li kienu xi 30 raġel. 23 Samwel qal lill-kok: “Ġib is-sehem li tajtek u li għedtlek biex terfgħu.” 24 U l-kok qiegħed quddiem Sawl il-koxxa u l-laħam taʼ magħha. U Samwel qal: “Dak li ġie merfugħ tqiegħed quddiemek. Kul, għaliex refgħuh għalik għal din l-okkażjoni. Għax jien għedtilhom, ‘Għandi l-mistidnin.’” Għalhekk, dakinhar Sawl kiel maʼ Samwel. 25 Imbagħad niżlu mill-post fl-għoli lejn il-belt, u Samwel ħa lil Sawl fuq il-bejt tad-dar tiegħu u kompla jkellmu. 26 Huma qamu kmieni, u kif beda jisbaħ Samwel għajjat lil Sawl li kien fuq il-bejt u qallu: “Lesti ħa nibagħtek.” Għalhekk, Sawl lesta u ħareġ barra maʼ Samwel. 27 Waqt li kienu ħerġin mill-belt, Samwel qal lil Sawl: “Għid lill-qaddej jgħaddi qabilna, imma int ibqaʼ hawn sabiex ngħidlek dak li qal Alla.” Għalhekk il-qaddej għadda qabilhom.