Ġeremija
8 Ġeħova jgħid: “F’dak iż-żmien, l-għadam tar-rejiet taʼ Ġuda, tal-prinċpijiet, tal-qassisin, tal-profeti, u taʼ dawk li jgħixu Ġerusalemm se jittieħdu mill-qabar tagħhom. 2 L-għadam tagħhom se jiġi mferrex max-xemx, il-qamar, u l-istilel* kollha li kienu jħobbu, jaqdu, jimxu warajhom, ifittxu l-gwida tagħhom, u jmilu quddiemhom. Mhux se jinġabar u lanqas jindifen. Se jsir bħal demel fuq wiċċ l-art.”
3 “U dawk li jibqgħu ħajjin minn dan il-poplu ħażin se jippreferu li jmutu milli jgħixu fil-postijiet kollha li se nferrixhom,” jgħid Ġeħova tal-armati.
4 “U int għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova:
“Jaqaw jekk xi ħadd jaqaʼ, ma jerġax iqum?
Jekk xi ħadd jiġi lura, l-oħrajn ma jiġux lura wkoll?
5 Għala dawn in-nies f’Ġerusalemm jibqgħu mhux leali lejja?
Jibqgħu jemmnu fil-gideb;
Ma jridux jiġu lura.
6 Jien qgħadt attent u qgħadt nismagħhom, imma ma kinux qed jgħidu l-verità.
Lanqas raġel ma nidem mill-ħażen tiegħu jew staqsa, ‘X’għamilt?’
Kull wieħed jibqaʼ jagħmel kif tagħmel il-maġġoranza, bħal żiemel li jidħol għall-battalja.
7 Anki ċ-ċikonja taf meta għandha tpassi;*
Il-gamiema, ir-rundun, u l-għasfur tal-għana* jżommu maż-żmien li jridu jmorru lura.
Imma l-poplu tiegħi ma jifhimx li jien, Ġeħova, se niġġudikah.”’
8 ‘Kif tistgħu tgħidu: “Aħna għorrief u għandna l-liġi* taʼ Ġeħova”?
Fil-fatt, is-segretarji* jużaw il-pinna biex jiktbu l-gideb biss.
9 L-għorrief ġew imġiegħla jistħu.
Huma se jitwerwru u jinqabdu.
Huma warrbu dak li jgħid Ġeħova,
Allura x’għerf għandhom?
10 Għalhekk, se nagħti n-nisa tagħhom lil irġiel oħra,
U l-għelieqi tagħhom lil ħaddieħor;
Għax miż-żgħir sal-kbir, qed jagħmlu qligħ diżonest;
Mill-profeta sal-qassis, kollha jagħmlu l-qerq.
11 U huma jipprovaw ifejqu taʼ fuq fuq il-ferita tal-poplu tiegħi* billi jgħidu:
“Hemm il-paċi! Hemm il-paċi!”
Meta m’hemmx paċi.
12 Jistħu huma għall-affarijiet moqżieża li jagħmlu?
Lanqas xejn!
Huma lanqas biss jafu jistħu!
Allura se jaqgħu ma’ dawk li diġà waqgħu.
Meta nikkastigahom, se jitfixklu,’ jgħid Ġeħova.
13 ‘Meta niġborhom, se neqridhom,’ jgħid Ġeħova.
‘Mhux se jkun hemm iktar għeneb fid-dielja, tin fis-siġra tat-tin, u l-weraq se jinxef.
Dak li tajthom se jitilfuh.’”
14 “Għala qegħdin bilqiegħda hawn?
Ejja ninġabru, nidħlu fil-bliet iffortifikati, u mmutu hemm.
Għax Ġeħova l-Alla tagħna se jeqridna,
Hu jagħtina ilma vvelenat x’nixorbu,
Għax dnibna kontra Ġeħova.
15 Ittamajna għall-paċi, imma ma ġara xejn sew!
Ittamajna għal żmien taʼ fejqan, imma aħna mwerwrin!
16 Mill-art taʼ Dan jinstemaʼ l-infiħ taż-żwiemel tal-għadu.
L-art kollha triegħdet meta bdew jiżhru ż-żwiemel tiegħu,
L-għadu belaʼ l-art u kulma fiha, il-belt u dawk li joqogħdu fiha.”
17 Ġeħova jgħid, “Għax jien qed nibgħat sriep fostkom,
Sriep velenużi, li ma jistgħux jiġu kkontrollati bis-sħaħar,
U dawn żgur li se jigdmukom.”
18 M’hemmx fejqan għall-uġigħ kbir li għandi.
Qalbi maqsuma.
19 Il-poplu tiegħi* qed jgħajjat għall-għajnuna mill-bogħod:
“Mela Ġeħova mhux f’Sijon?
Mela r-re tagħhom mhux hemm?”
“Għala offendejtuni bl-istatwi minquxin tagħkom,
Bl-allat barranin tagħkom li ma jiswew għal xejn?”
20 “Il-ħsad spiċċa u s-sajf għadda;
Imma aħna ma ġejniex salvati!”
Qabditni biżaʼ kbira.
22 M’hemmx balzmu* f’Gilegħad?
Jew xi ħadd li jfejjaq?*
Għala l-poplu tiegħi* ma ġiex imfejjaq?