Isaija
44 “Ismaʼ, Ġakobb il-qaddej tiegħi,
U Iżrael li jien għażilt.
‘Tibżax, Ġakobb il-qaddej tiegħi,
Ġesurun* li jien għażilt.
3 Għax jien se nitfaʼ l-ilma fuq l-art bil-għatx,
U n-nixxigħat tal-ilma fuq art niexfa.
Jien se nagħti l-ispirtu tiegħi lit-tfal tiegħek,
U l-barka tiegħi lid-dixxendenti tiegħek.
4 Huma se jinbtu bħall-ħaxix,
Bħas-siġar tal-luq ħdejn nixxigħat tal-ilma.
5 Wieħed se jgħid: “Jien taʼ Ġeħova.”
Ieħor se jsejjaħ lilu nnifsu Ġakobb,
U jerġaʼ ieħor se jikteb fuq idu: “Jien taʼ Ġeħova.”
U jieħu isem Iżrael.’
6 Ġeħova, ir-Re t’Iżrael
U Dak li Jixtrih Lura, Ġeħova tal-armati jgħid:
‘Jien l-ewwel u l-aħħar,
M’hemmx Alla ħliefi.
7 Jekk hemm xi ħadd bħali,
Ħa jitkellem, jgħidli, u jagħtini prova!
Hemm xi ħadd minn dakinhar li jien għażilt il-poplu taʼ żmien twil ilu,
Li jistaʼ jgħid l-affarijiet li se jiġru daqt
U li għad iridu jiġru?
8 Titwerwrux
U tħallux il-biżaʼ twaqqafkom milli taġixxu.
Jien għedt minn qabel u informajt dwar dan lil kull wieħed minnkom.
Intom ix-xhieda tiegħi.
Hemm Alla ieħor ħliefi?
Le, m’hemmx Blata oħra li naf biha.’”
9 Dawk kollha li jagħmlu l-istatwi minquxin mhuma xejn,
U l-affarijiet li tant jgħożżu mhux se jkunu taʼ benefiċċju.
Bħala xhieda tagħhom, dawn* ma jarawx u ma jafu xejn.
Għalhekk, dawk li jagħmluhom se jiġu mġiegħla jistħu.
11 Dawk li jagħmluha miegħu se jiġu mġiegħla jistħu.
Il-ħaddiema tas-sengħa huma sempliċi bnedmin.
Ħa jinġabru flimkien u jieħdu posthom.
Huma se jiġu mwerwrin u mġiegħla jistħu flimkien.
12 Il-ħaddied jaħdem il-ħadid fuq il-ġamar bl-għodda tiegħu.
Hu jifformah bl-imrietel,
U jaħdmu bis-saħħa t’idu.
Imbagħad jaqbdu l-ġuħ u jiġi bla saħħa;
Hu ma jixrobx ilma, u għalhekk jegħja.
13 Dak li jonqox l-injam jiftaħ il-ħabel tal-kejl u jimmarka l-forma bil-ġibs aħmar.
Hu jaħdimha bil-furmatur u jimmarkaha bil-kumpass.
Jagħmilha fil-forma sabiħa taʼ bniedem
Biex ipoġġiha f’dar.*
14 Hemm wieħed li xogħlu hu li jaqtaʼ s-siġar taċ-ċedri.
Hu jagħżel ċertu tip taʼ siġra, is-siġra tal-ballut,
U jieħu ħsiebha biex tikber b’saħħitha fost is-siġar tal-foresta.
Hu jħawwel siġra tar-rand, u tkabbarha x-xita.
15 Imbagħad titqattaʼ biċċiet biex il-bniedem iqabbad in-nar.
Ftit minnha jużah biex isaħħan lilu nnifsu;
Jagħmel nar u jaħmi l-ħobż.
Imma minnha jagħmel ukoll alla, u jqimu.
Hu jagħmilha statwa minquxa, u jinżel għarkupptejh quddiemha.
16 Nofsha jaħraqha fin-nar;
B’dan in-nofs hu jixwi l-laħam li jiekol, u jkun sodisfatt.
Ukoll isaħħan lilu nnifsu permezz tan-nar u jgħid:
“X’naqra nar għandi biex isaħħanni!”
17 Imma l-bqija taz-zokk jagħmlu alla, statwa minquxa.
Hu jinżel għarkupptejh quddiemha u jqimha.
Jitlob lilha u jgħid:
“Salvani, għax int l-alla tiegħi.”
18 Dawn in-nies ma jafu xejn u ma jifhmux,
Għax għajnejhom magħluqin u ma jistgħux jaraw,
U l-kundizzjoni taʼ qalbhom ma tħallihomx jifhmu.
19 Ħadd ma joqgħod jaħseb
Jew għandu l-għarfien jew l-abbiltà li jifhem biex jgħid:
“Nofs iz-zokk ħraqtu fin-nar,
U fuq il-ġamar tiegħu ħmejt il-ħobż u xwejt il-laħam biex niekol.
Allura, għandi nagħmel il-bqija tiegħu f’xi ħaġa moqżieża?
Għandi nqim biċċa njama minn siġra?”
20 Hu bħal xi ħadd li qed jiekol l-irmied.
Il-qalb qarrieqa tiegħu fixklitu.
Hu ma jistax isalva lilu nnifsu, u lanqas jgħid:
“F’idi* għandi xi ħaġa ma tiswa għal xejn.”
21 “Ġakobb, Iżrael, ftakar f’dawn l-affarijiet,
Għax int il-qaddej tiegħi.
Jien għamiltek, u int il-qaddej tiegħi.
Jien mhux se ninsiek, Iżrael.
22 Se nħassar in-nuqqasijiet tiegħek
U ngħatti d-dnubiet tiegħek bi sħaba.
Ejja lura għandi, għax jien se nixtrik lura.
23 Sema, għajjat bil-ferħ,
Għax Ġeħova għamel dan!
Postijiet fondi tal-art, għajtu bil-ferħ taʼ rebħa!
Muntanji, foresta,
U s-siġar kollha tagħkom, għajtu bil-ferħ!
Għax Ġeħova reġaʼ xtara lil Ġakobb,
U wera s-sbuħija tiegħu permezz t’Iżrael.”
24 Ġeħova, Dak li Jixtrik Lura,
Li fformak minn meta kont f’żaqq ommok, jgħid:
“Jien Ġeħova, li għamilt kollox.
Jien frixt is-sema waħdi,
U għamilt l-art.
Min kien hemm miegħi?
25 Jien qed infixkel is-sinjali taʼ dawk li jparlaw fil-vojt,*
U jien il-Wieħed li qed inġiegħel l-isħaħar jaġixxu bħal boloh;
Il-Wieħed li qed infixkel lin-nies għorrief
U nbiddel l-għarfien tagħhom fi bluha.
26 Jien il-Wieħed li qed inwettaq dak li jgħid il-qaddej tiegħi
U nagħmel kulma jbassru l-messaġġiera tiegħi.
Jien il-Wieħed li dwar Ġerusalemm ngħid, ‘Se jkun hemm in-nies jgħixu fiha,’
U dwar il-bliet taʼ Ġuda, ‘Se jerġgħu jinbnew,
U se nerġaʼ nibni dak li sar ħerba’.
27 Jien il-Wieħed li ngħid lill-ilmijiet fondi, ‘Evaporaw,
U jien se nnixxef ix-xmajjar kollha tagħkom’.
28 Jien il-Wieħed li ngħid dwar Ċiru, ‘Hu r-ragħaj li għażilt.
Hu se jagħmel dak kollu li rrid jien.
Jien il-Wieħed li ngħid dwar Ġerusalemm, ‘Se terġaʼ tinbena,’
U dwar it-tempju, ‘Se jitqiegħed il-pedament tiegħu.’”