It-Tieni Ittra lit-Tessalonikin
1 Jien Pawlu, Silvanu,* u Timotju qed nibagħtu din l-ittra lill-kongregazzjoni tat-Tessalonikin li hi tal-Alla l-Missier u tal-Mulej Ġesù Kristu:
2 Jalla tintwerew qalb tajba kbira u jkollkom il-paċi mingħand l-Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu.
3 Aħna obbligati li dejjem nirringrazzjaw lil Alla għalikom, aħwa. Dan hu xieraq, għax il-fidi tagħkom qed issir b’saħħitha ħafna u l-imħabba tagħkom għal xulxin qed tiżdied. 4 Allura, qed niftaħru bikom fil-kongregazzjonijiet t’Alla minħabba li qed tissaportu u turu fidi waqt il-persekuzzjonijiet kollha u d-diffikultajiet* li qed tgħaddu minnhom.* 5 Dan juri li Alla jiġġudika b’mod ġust, u minħabba f’hekk intom ħaqqkom li tidħlu fis-Saltna t’Alla li għaliha qed tbatu.
6 Peress li Alla hu ġust, hu se jikkastiga lil dawk li jġegħlukom tbatu. 7 Imma intom li qed tbatu mhux se jibqaʼ jiġrilkom hekk. Dan se jiġri kemm lilkom u kemm lilna meta jidher il-Mulej Ġesù mis-sema mal-anġli b’saħħithom tiegħu 8 f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u fuq dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù. 9 Il-Mulej tagħna se jiġġudikahom lil dawn. Il-kastig tagħhom se jkun qerda taʼ dejjem. Allura se jitneħħew minn quddiem il-Mulej u ma jibqgħux jaraw il-qawwa glorjuża tiegħu. 10 Meta l-Mulej tagħna jiġi biex ikun igglorifikat maʼ ħutu l-qaddisin, dawk kollha li juru li għandhom fidi fih se jammirawh. U minħabba li emmintu dak li għednielkom, intom se tkunu fosthom ukoll.
11 Huwa għalhekk li aħna dejjem nitolbu għalikom. Aħna nitolbu li l-Alla tagħna jqiskom bħala wħud li ħaqqkom dak li ġejtu magħżulin għalih. Nitolbu wkoll li bil-qawwa tiegħu jkun jistaʼ jagħmlilkom it-tajjeb kollu li jrid u jlesti dak li kontu qed tagħmlu mmotivat mill-fidi tagħkom. 12 B’dan il-mod, l-isem tal-Mulej tagħna Ġesù jkun jistaʼ jiġi gglorifikat b’dak li tagħmlu u intom se tiġu gglorifikati permezz tiegħu skont il-qalb tajba kbira t’Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.