Ġeremija
14 Dan hu l-messaġġ dwar in-nixfa li Ġeħova ta lili, Ġeremija:
2 Ġuda hu mdejjaq, u l-bibien tiegħu spiċċaw fix-xejn.
Huma mwaqqgħin mal-art dipressi,
Anki l-għajjat taʼ Ġerusalemm qed jinstemaʼ.
3 Is-sidien tagħhom jibagħtu lill-qaddejja* tagħhom għall-ilma.
Huma jmorru ħdejn il-ġwiebi u ma jsibux ilma,
U jmorru lura bil-ġarar vojta.
Huma jistħu, ikunu ddiżappuntati, u jgħattu rashom.
4 Minħabba li m’għamlitx xita
Hemm il-qsim fl-art.
Il-bdiewa qatgħu qalbhom u għattew rashom.
5 Anki ċ-ċerva abbandunat il-ferħ tagħha,
Għax m’hemmx ħaxix.
6 Il-ħmir slavaġ qegħdin fuq għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom.
Huma jilhġu għall-arja bħall-klieb slavaġ;
Għajnejhom għajjenin għax jibqgħu jfittxu l-ħaxix, imma ma jsibu xejn.
7 Ġeħova, l-iżbalji tagħna juru li aħna ħatja,
Aġixxi minħabba ismek.
Għax aħna wrejna nuqqas taʼ lealtà ħafna drabi
U dnibna kontrik.
8 Int il-wieħed li Iżrael qed jittama fih, Dak li Ssalvah,
Għala int bħal stranġier fil-pajjiż,
Bħal wieħed li qed jivvjaġġa u jieqaf biex iqattaʼ l-lejl biss?
9 Għala int bħal raġel imbellah,
Bħal raġel b’saħħtu li ma jistaʼ jsalva lil ħadd?
Int, Ġeħova, qiegħed fostna,
U nissejħu b’ismek.
Tabbandunaniex.
10 Ġeħova jgħid hekk dwar dan il-poplu: “Huma jħobbu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn; ma kkontrollawx fejn marru. Allura jien, Ġeħova, ma niħux pjaċir bihom. Jien se niftakar l-iżbalji tagħhom u nitlob kont tad-dnubiet tagħhom.”
11 Imbagħad Ġeħova qalli: “Titlobx biex l-affarijiet taʼ dawn in-nies imorru sew. 12 Meta jsumu, jien ma nismax it-talb bil-ħniena tagħhom, u meta jagħtu l-offerti sħaħ tal-ħruq u l-offerti taċ-ċereali,* ma niħux pjaċir bihom, għax jien se neqridhom bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.”*
13 Għal dan għedt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid ta’ Kollox,* il-profeti qed jgħidulhom, ‘F’dan il-pajjiż mhux se jkun hawn gwerra, mhux se tkunu bil-ġuħ, imma Alla se jagħtikom il-paċi vera.’”
14 Imbagħad Ġeħova qalli: “Il-profeti qed jipprofetizzaw il-gideb f’ismi. Jien la bgħatthom, la kkmandajthom, u lanqas kellimthom. Huma qed jipprofetizzawlkom viżjoni falza, tbassir li ma jiswa għal xejn, u l-qerq taʼ qalbhom. 15 Dwar il-profeti li qed jipprofetizzaw f’ismi, li jien ma bgħatthomx u li qed jgħidu li mhux se jkun hemm gwerra jew ġuħ f’dan il-pajjiż, jien, Ġeħova, ngħid: ‘Dawn il-profeti se jinqerdu bix-xabla u bil-ġuħ. 16 U l-ġisem mejjet tan-nies li semgħu minn dawn il-profeti se jitfgħuh fit-toroq taʼ Ġerusalemm minħabba l-ġuħ u l-gwerra. Mhux se jkun hemm min jidfinhom, la lilhom, la n-nisa tagħhom, u lanqas it-tfal subien u bniet tagħhom, għax jien se neqridhom kif ħaqqhom.’
17 “Int għandek tgħidilhom hekk,
‘Ħallu l-għajnejja ma jiqfux jibku lejl u nhar,
Għax il-poplu tiegħi* tfarrak għalkollox,
U b’hekk għandu ferita gravi ħafna.
18 Jekk immur fl-għelieqi,
Nara lil dawk maqtulin bix-xabla.
U jekk immur fil-belt,
Nara l-mard li jiġi mill-ġuħ.
Kemm il-profeta u kemm il-qassis marru f’pajjiż li ma jafux bih.ʼ”
19 Alla, tlaqt int għalkollox lil Ġuda? Sirt* tobgħod lil Sijon?
Għala kkastigajtna sal-punt li m’hemmx fejqan għalina?
Ittamajna għall-paċi, imma ma ġara xejn sew!
Ittamajna għal żmien taʼ fejqan, imma aħna mwerwrin!
21 Minħabba ismek, tabbandunaniex;
Issirx tobgħod it-tron glorjuż tiegħek.
Ftakar fil-patt li għamilt magħna u żomm miegħu.
22 Jistaʼ xi idolu li ma jiswa għal xejn tal-popli jagħti x-xita,
Jew is-sema tibgħat ħalbiet tax-xita minn jeddha?
Mhux int l-uniku wieħed, Ġeħova l-Alla tagħna, li tistaʼ tagħmel dan?
Aħna nittamaw fik,
Għax int biss għamilt dan kollu.