Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi)
2 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Efesu iktiblu: Dan jgħid il-wieħed li għandu s-sebaʼ stilel f’idu l-leminija u li jimxi fost is-sebaʼ gandlieri tad-deheb: 2 ‘Jien naf x’għamilt, ix-xogħol tiegħek, kemm issaportejt, u li int ma tittollerax lin-nies ħżiena. Int għaddejt minn prova lil dawk li kienu jgħidu li huma appostli, imma ma kinux, u sibt li kienu giddibin. 3 Għalkemm int issaportejt ħafna diffikultajiet minħabba ismi, bqajt sod u m’għejejtx. 4 Minkejja dan, għandi dan kontrik: Int m’għadx għandek l-imħabba li kellek fil-bidu.
5 “‘Għalhekk, ftakar f’dak li tlift,* indem, u agħmel l-affarijiet li kont tagħmel fil-bidu. Jekk ma tindimx, jien se niġi u nneħħi l-gandlier tiegħek minn postu. 6 Imma għandek dan favur tiegħek: Int tobgħod l-affarijiet li jagħmlu s-setta taʼ Nikola, li anki jien nobgħodhom. 7 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet: Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nħallih jiekol mis-siġra tal-ħajja, li hi fil-ġenna t’Alla.’
8 “U lill-anġlu tal-kongregazzjoni fi Żmirna iktiblu: Dan jgħid ‘l-Ewwel u l-Aħħar,’ li miet u reġaʼ ħa l-ħajja: 9 ‘Jien naf bit-tbatija u l-faqar tiegħek, imma int sinjur. Jien naf ukoll bid-dagħa* taʼ dawk li jgħidu li huma Lhud, imma mhumiex. Huma sinagoga taʼ Satana. 10 Tibżax mit-tbatija li dalwaqt se tgħaddi minnha. Ix-Xitan se jkompli jitfaʼ lil xi wħud minnkom il-ħabs sabiex tiġu ttestjati għalkollox, u se tkunu ppersegwitati għal għaxart ijiem. Agħti prova li int leali sal-mewt, u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja. 11 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet: Lil min jirbaħ id-dinja żgur li t-tieni mewt mhu se tagħmillu xejn.’
12 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Pergamu iktiblu: Dan jgħid dak li għandu x-xabla twila li taqtaʼ ħafna miż-żewġ naħat: 13 ‘Jien naf fejn qed tgħix, jiġifieri fejn hemm it-tron taʼ Satana. Imma int leali lejja u baqaʼ jkollok fidi fija, anki fi żmien Antipa x-xhud leali tiegħi li nqatel fil-belt tagħkom, fejn jgħix Satana.
14 “‘Minkejja dan, għandi xi affarijiet kontrik: Li hemmhekk għandek min qed iżomm sod mat-tagħlim taʼ Balgħam, li għallem lil Balak kif ifixkel lill-Iżraelin, biex jieklu affarijiet issagrifikati lill-idoli u jagħmlu l-immoralità sesswali.* 15 Bl-istess mod, int ukoll għandek lil dawk li qed iżommu mat-tagħlim tas-setta taʼ Nikola. 16 Mela indem, inkella niġi għandek malajr u niġġieled kontrihom bix-xabla twila li toħroġ minn ħalqi.
17 “‘Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet: Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nagħtih ftit mill-manna l-moħbija, u nagħtih ċagħqa bajda, u fuqha se jkun hemm miktub isem ġdid li ħadd ma jkun jafu ħlief dak li rċivieh.’
18 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni fi Tjatira iktiblu: Dan jgħid l-Iben t’Alla, il-wieħed li għandu għajnejh bħal fjamma nar u saqajh bħal ram mill-aqwa: 19 ‘Jien naf x’għamilt, l-imħabba u l-fidi li għandek, u li taqdi lil Alla u li tissaporti ħafna diffikultajiet. U x-xogħol li qed tagħmel issa hu iżjed minn dak li għamilt fil-bidu.
20 “‘Minkejja dan, għandi dan kontrik: Int tittollera lil dik il-mara li hi bħal Ġeżabel, li ssejjaħ lilha nfisha profetessa. Hi qed tqarraq bl-ilsiera tiegħi bit-tagħlim tagħha, ħalli huma jagħmlu l-immoralità sesswali* u jieklu ikel issagrifikat lill-idoli. 21 Jien tajtha żmien biex tindem, imma hi mhix lesta li tindem mill-immoralità sesswali* li tagħmel. 22 Jien daqt nitfagħha f’qiegħ taʼ sodda, u lil dawk li jagħmlu adulterju magħha se nġegħelhom ibatu ħafna jekk ma jindmux mill-affarijiet li għamlu bħalha. 23 U jien se noqtol lit-tfal tagħha b’marda qerrieda, ħalli l-kongregazzjonijiet kollha jkunu jafu li jien il-wieħed li nfittex fil-ħsibijiet* u l-qalb, u se nagħti lil kull wieħed skont dak li jkun ħaqqu.
24 “‘Madankollu, lill-bqija li hemm fi Tjatira, li m’aċċettawx it-tagħlim taʼ Ġeżabel u li ma sarux jafu t-tagħlim falz li ġej minn* Satana, ngħidilhom dan: Mhu se nżidilkom ebda piż ieħor. 25 Però, żommu sod maʼ dak li għandkom sakemm niġi. 26 U lil dak li jirbaħ id-dinja u jagħmel dak li kkmandajt jien sal-aħħar, se nagħtih awtorità fuq il-popli, 27 bħalma jien irċivejt mingħand Missieri. Hu se jirgħahom b’virga tal-ħadid, ħalli jitfarrku bħal reċipjenti tal-fuħħar. 28 U se nagħtih l-istilla taʼ filgħodu. 29 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet.’