Ġeremija
2 Ġeħova kellimni u qalli: 2 “Mur u pprietka lil Ġerusalemm, ‘Hekk jgħidlek Ġeħova:
“Niftakar sew il-lealtà* tiegħek meta kont żgħira,
L-imħabba li wrejtni meta tgħarrasna,
Kif imxejt warajja fid-deżert,
F’art li ma kinitx miżrugħa.
3 Iżrael kien qaddis għal Ġeħova, kien l-ewwel prodott tal-ħsad tiegħu.”’
‘Dawk kollha li jagħmlulu l-ħsara se jsiru ħatja.
Se jiġi diżastru fuqhom,’ jgħid Ġeħova.”
4 Isimgħu x’qed jgħid Ġeħova, dar taʼ Ġakobb,
U intom mill-familji kollha tal-poplu t’Iżrael.
5 Hekk jgħid Ġeħova: “Missirijietkom fiex sabuni ħati,
Biex tbiegħdu daqshekk ’il bogħod minni,
U qiemu idoli li ma jiswew għal xejn,
U b’hekk saru ma jiswew għal xejn huma stess?
6 Ma staqsewx, ‘Fejn hu Ġeħova,
Il-Wieħed li ħariġna mill-art tal-Eġittu,
Li mexxiena mix-xagħri,
Minn art b’deżert u b’ħofor,
Minn art niexfa u mdallma ħafna,
Minn art fejn ħadd ma jivvjaġġa
U fejn l-ebda bniedem ma jgħix fiha?’
7 Imbagħad jien ġibtkom f’art mimlija siġar tal-frott,
Biex tieklu l-frott u l-affarijiet tajbin li tipproduċi.
Imma intom ħammiġtu l-art tiegħi;
Il-wirt tiegħi għamiltuh bħal xi ħaġa li titqażżiżha.
8 Il-qassisin ma staqsewx, ‘Fejn hu Ġeħova?’
Dawk li kellhom jgħallmu l-Liġi ma kinux jafuni,
Ir-ragħajja rribellaw kontrija,
Il-profeti pprofetizzaw f’isem Bagħal,
U qiemu allat li ma setgħux jgħinuhom.
9 ‘Għalhekk, se nkompli niġġieled magħkom,’ jgħid Ġeħova,
‘U se niġġieled mat-tfal tat-tfal tagħkom.’
10 ‘Imma morru fil-gżejjer taʼ Kittim u araw.
Iva, ibagħtu lil xi ħadd Kedar u aħsbu sew;
Araw jekk qattx ġrat xi ħaġa bħal din.
11 Kien hemm xi poplu li qatt biddel l-allat tiegħu għal dawk li mhumiex allat?
Imma n-nies tiegħi bidlu l-glorja tiegħi maʼ xi ħaġa li ma tiswa għal xejn.
12 Sema, ħares bi stagħġib lejn dan;
Tkexkex bil-biżaʼ,’ jgħid Ġeħova,
13 ‘Għax in-nies tiegħi għamlu żewġ affarijiet ħżiena:
Abbandunaw lili, il-wieħed li nagħti l-ilma tal-ħajja,
U ħaffru għalihom infushom ġwiebi,
Ġwiebi mkissrin, li ma jistgħux iżommu l-ilma.’
14 ‘Hu Iżrael qaddej? Twieled hu bħala skjav?
Allura għala ngħata biex jiġi misruq?
15 Iljuni b’saħħithom jgħajtu kontrih;
Huma għollew leħinhom.
Għamlu l-art tiegħu xi ħaġa tal-biżaʼ.
Il-bliet tiegħu ġew maħruqin, u b’hekk m’hemm ħadd jgħix fihom.
16 In-nies taʼ Nof* u Taħfanes iħarbtulek il-pajjiż tiegħek.*
17 Mhux intom ġibtu dan fuqkom stess
Billi abbandunajtu lil Ġeħova l-Alla tagħkom
Waqt li kien qed imexxikom fit-triq?
Għala tixtieq tmur fit-triq li tieħdok l-Assirja,
Biex tixrob l-ilma tax-Xmara?*
19 Il-ħażen tiegħek għandu jikkoreġik,
U n-nuqqas taʼ lealtà tiegħek stess għandu jwissik.
Kun af u ifhem li hi xi ħaġa ħażina u serja
Li titlaq lil Ġeħova l-Alla tiegħek;
Int ma bżajtx minni,’ jgħid is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati.
20 ‘Għax żmien twil ilu, jien kissirt il-madmad tiegħek
U l-ktajjen li rabtuk bihom.
Imma int għedt: “Mhux se naqdik,”
Għax int kont mixħuta kif ġie ġie u tipprostitwixxi ruħek
Fuq kull għolja kbira u taħt kull siġra b’saħħitha.
21 Jien ħawwiltek bħala dielja tal-aqwa għeneb aħmar,
Li kibret minn żerriegħa tal-aqwa kwalità;
Allura kif tħassart quddiemi billi nbdilt f’rimja salvaġġa?’
22 ‘Għalkemm tinħasel bl-alkali* u b’ħafna sapun,
Il-ħtija tiegħek xorta tibqaʼ tebgħa għalija,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
23 Kif tistaʼ tgħid, ‘Jien ma niġġistx lili nnifsi?
Jien ma qimtx lil Bagħalim’?
Ara kif ġibt ruħek fil-wied.
Aħseb sew dwar x’għamilt.
Int bħal ġemla żgħira u ħafifa
Li tiġri ’l hemm u ’l hawn kif ifettlilha.
24 Bħal ħmara salvaġġa li mdorrija fid-deżert,
U li xxomm ir-riħ għax ikollha xewqat sesswali.
Min jistaʼ jżommha meta tkun sħuna?
Dawk li jfittxuha ma jitħabtux.
Fi żmienha,* huma se jsibuha.
25 Ieqaf qabel tispiċċa ħafja u bil-għatx.
Imma int għedt, ‘Għalxejn qed tgħidli!
Jien sirt inħobb lill-allat barranin,*
U se nqim lilhom.’
26 Bħalma ħalliel jistħi meta jinqabad,
Hekk ġew imġiegħla jistħu l-Iżraelin,
Huma, ir-rejiet u l-prinċpijiet tagħhom,
U l-qassisin u l-profeti tagħhom.
27 Huma jgħidu lil siġra, ‘Int missieri,’
U lil ġebla, ‘Int wellidtni.’
Imma lili, minflok fittxewni tawni daharhom.
Imma meta jkunu fl-inkwiet se jgħiduli,
‘Ejja salvana!’
28 Imma fejn huma l-allat li għamilt għalik?
Ħa jiġu jekk jistgħu jsalvawk meta jkollok l-inkwiet,
Għax l-allat tiegħek żdiedu daqs il-bliet tiegħek, Ġuda.
29 ‘Għala tibqgħu tiħduha kontrija?
Għala rribellajtu kontrija kollha kemm intom?’ jgħid Ġeħova.
30 Ikkastigajt lit-tfal tagħkom, imma kien għalxejn.
L-ebda dixxiplina ma jaċċettaw;
Bħal iljun jgħajjat,
Ix-xwabel tagħkom qatlu lill-profeti tagħkom.
31 Poplu tiegħi, aħsbu sew dwar dak li jgħid Ġeħova.
Sirt jien bħal deżert għal Iżrael,
Jew pajjiż taʼ dlam ċappa?
Poplu tiegħi, għala tgħidu li tmorru fejn tridu
U li mhux se tiġu iżjed għandi?
Imma l-poplu tiegħi nsieni għal żmien twil.
33 Mara, kemm int kapaċi tfittex irġiel biex iħobbuk!
Sirt esperta f’li tagħmel affarijiet ħżiena.
34 Anki d-dbielet tiegħek huma mċappsin bid-demm taʼ nies* foqra u innoċenti.
Dawn ma nqatlux għax daħlu jisirqu;
Imma d-dbielet tiegħek huma mimlijin bid-demm tagħhom.
35 Imma int tgħid, ‘Jien innoċenti.
Żgur li m’għadux irrabjat miegħi.’
Allura, issa se niġġudikak
Għax int tgħid, ‘Ma dnibtx.’
36 Għala ma tiħux bis-serjetà n-nuqqas taʼ lealtà tiegħek?
Int se tistħi wkoll minħabba l-Eġittu,
Bħalma stħajt minħabba l-Assirja.
37 Anki minħabba f’hekk, int se toħroġ b’idek fuq rasek bil-mistħija,
Għax Ġeħova rrifjuta lil dawk li int tafda fihom;
Huma mhu se jkunu t’ebda għajnuna għalik.”