Ġeremija
43 Meta jien, Ġeremija, għedt lin-nies dak kollu li Ġeħova l-Alla tagħhom qalli biex ngħid mingħajr ma ħallejt barra xejn minn dak li Ġeħova qalli biex ngħidilhom, 2 Għażarija bin Ħosajja, Ġoħanan bin Kareja, u l-irġiel prużuntużi kollha qaluli: “Int qed tigdeb. Ġeħova l-Alla tagħna ma bagħtekx biex tgħid, ‘Tmorrux l-Eġittu biex tgħixu hemm.’ 3 Imma Baruk bin Nerija qed ixewxek kontrina biex jagħtina f’idejn il-Kaldin ħalli jew joqtluna jew jiħduna fl-eżilju f’Babilonja.”
4 B’hekk, Ġoħanan bin Kareja, il-kapijiet tal-armata kollha, u n-nies kollha m’obdewx minn dak li qal Ġeħova biex jibqgħu fl-art taʼ Ġuda. 5 Minflok, Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata ħadu magħhom in-nies fl-Eġittu. Huma ħadu n-nies li kien fadal f’Ġuda u li kienu ġew lura biex joqogħdu hemm mill-popli li kienu nxterdu fihom. 6 Ħadu wkoll l-irġiel, in-nisa, it-tfal, il-bniet tar-re, u lil kull min Nebużaradan il-kap tal-gwardji kien ħalla maʼ Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan, kif ukoll ħadu lili, il-profeta Ġeremija, u lil Baruk bin Nerija. 7 Huma m’obdewx minn dak li qal Ġeħova u marru fl-art tal-Eġittu u waslu sa Taħfanħes.
8 Imbagħad jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova f’Taħfanħes: 9 “Ħu ġebel kbir u aħbih fit-tajn fit-terrazzin tal-briks li hemm fid-daħla tad-dar tal-Fargħun f’Taħfanħes u agħmel dan waqt li jkunu qed jarawk l-irġiel Lhud. 10 Imbagħad għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Jien qed nibgħat lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja l-qaddej tiegħi, u hu se jqiegħed it-tron tiegħu eżatt fuq il-ġebel li jien ħbejt, u hu se jarma t-tinda rjali fuqu. 11 U hu se jiġi jattakka l-art tal-Eġittu. Xi wħud se jmutu bil-mard, xi wħud se jmorru fil-jasar, u xi wħud se jmutu bix-xabla. 12 U jien se nagħti n-nar lit-tempji* tal-allat tal-Eġittu, u hu se jaħraqhom u jiħodhom fil-jasar. Bħalma hu faċli għal ragħaj li jilbes il-ħwejjeġ tiegħu, hekk se jkun faċli għalih biex jieħu l-art tal-Eġittu taħt idejh u jitlaq rebbieħ.* 13 Hu se jfarrak il-pilastri taʼ Bet-xemex* fl-art tal-Eġittu u jaħraq it-tempji tal-allat tal-Eġittu.”’”