L-Ewwel Ittra lill-Korintin
13 Jekk nitkellem bil-lingwi tan-nies u tal-anġli imma m’għandix imħabba, inkun qisni qanpiena li tagħmel ħoss qawwi jew ċimbalu storbjuż. 2 Jekk ikolli l-abbiltà li nipprofetizza, nifhem is-sigrieti kollha t’Alla, nirċievi l-għarfien b’mod mirakoluż, u jkolli fidi li nċaqlaq il-muntanji, imma ma jkollix imħabba, ma jien xejn.* 3 U jekk nagħti kulma għandi biex nitmaʼ lill-foqra, u nkun lest li nissagrifika ħajti sabiex ikolli biex niftaħar, imma ma jkollix imħabba, mhu se jiswieli xejn.
4 L-imħabba* hi paċenzjuża* u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma titkabbarx, 5 ma tagħmilx affarijiet tal-mistħija,* mhix egoista,* ma tirrabjax malajr, u ma żżommx f’qalbha.* 6 L-imħabba ma tifraħx b’affarijiet ħżiena,* imma bil-verità. 7 L-imħabba qatt ma taqtaʼ qalbha,* din temmen kollox, dejjem tittama, u tissaporti kollox.
8 L-imħabba ma tispiċċa* qatt. L-abbiltà li wieħed jipprofetizza u li jitkellem b’lingwi oħra se tispiċċa. Ir-rigal speċjali tal-għarfien se jiġi fix-xejn. 9 L-għarfien li għandna hu limitat, u anki dak li nipprofetizzaw. 10 Imma dak li hu limitat se jispiċċa meta jkollna l-għarfien kollu u nipprofetizzaw b’mod sħiħ. 11 Meta kont tifel, kont nitkellem bħal tifel, naħseb bħal tifel, u nirraġuna bħal tifel. Imma issa li kbirt, dawn l-affarijiet m’għadnix nagħmilhom. 12 Bħalissa naraw imċajpar bħallikieku f’mera tal-metall, imma mbagħad se naraw ċar.* Bħalissa dak li naf dwar Alla hu limitat, imma mbagħad se nkun naf eżatt dwaru, bħalma hu jaf eżatt dwari. 13 Għalhekk, jibqaʼ dawn it-tliet kwalitajiet: il-fidi, it-tama, u l-imħabba. Imma l-aqwa waħda minnhom hi l-imħabba.