Isaija
7 Fi żmien Aħaż, bin Ġotam, bin Użżija, ir-re taʼ Ġuda, telgħu biex jiggwerraw kontra Ġerusalemm ir-Re Resin tas-Sirja u Pekaħ bin Remalija r-re t’Iżrael, imma huma* ma setgħux jirbħuha. 2 Lid-dar taʼ David waslitilha l-aħbar li s-Sirja ngħaqdet m’Efrajm biex tiġġieled kontrihom.
Aħaż u l-poplu tiegħu bdew jibżgħu u jirtogħdu bħal siġar tal-foresta fir-riħ.
3 Imbagħad Ġeħova qalli: “Isaija, jekk jogħġbok, ħu lit-tifel tiegħek Segħar-ġasub* u mur iltaqaʼ m’Aħaż f’tarf il-kanal tal-għadira taʼ fuq, li qiegħed fit-triq prinċipali li tagħti għall-għalqa tal-ħassiel. 4 Int għandek tgħidlu, ‘Ibqaʼ kalm. Tibżax u taqtax qalbek minħabba r-rabja kbira tar-Re Resin tas-Sirja u bin Remalija, għax dawn huma bħal żewġt izkuk li qed jaqbdu. 5 Għax is-Sirja, Efrajm, u bin Remalija ppjanaw li jagħmlulek il-ħsara billi qalu: 6 “Ejja nitilgħu kontra Ġuda, inwaqqgħuh,* nirbħuh,* u nagħmlu lit-tifel taʼ Tabel ir-re tiegħu.”
7 “‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid:
“Dan mhux se jirnexxi,
U lanqas se jiġri.
8 Għax il-belt kapitali tas-Sirja hi Damasku,
U r-re taʼ Damasku hu Resin.
Fi żmien 65 sena,
Efrajm se jiġi mfarrak għalkollox u ma jibqax poplu.
9 Il-belt kapitali t’Efrajm hi s-Samarija,
U r-re tas-Samarija hu t-tifel ta’ Remalija.
Jekk ma jkollkomx fidi soda,
Mhux se tkunu fis-sigurtà.”’”
10 Ġeħova kompla jgħid lil Aħaż: 11 “Itlob lili, Ġeħova l-Alla tiegħek, biex nagħtik sinjal li dawn l-affarijiet vera se jiġru. Anki jekk dan is-sinjal ikun fond daqs il-Qabar* jew għoli daqs is-sema, jien se nagħtihulek.” 12 Imma Aħaż qal: “Mhu se nitlob xejn, u lanqas mhu se nittestja lil Ġeħova.”
13 Imbagħad Isaija qal: “Jekk jogħġobkom, isimgħu dar taʼ David. Mhux biżżejjed li qed iddejqu lin-nies, għandkom iddejqu lil Alla wkoll? 14 Għalhekk, Ġeħova se jagħtikom sinjal: It-tfajla se toħroġ tqila, twelled tifel, u ssemmih Emmanuwel.* 15 Qabel ma jkun jaf kif jirrifjuta dak li hu ħażin u jagħżel dak li hu tajjeb, hu se jiekol butir u għasel biss. 16 Għax qabel ma t-tifel ikun jaf kif jirrifjuta dak li hu ħażin u jagħżel dak li hu tajjeb, l-art taż-żewġ rejiet li int tibżaʼ minnhom se tkun abbandunata għalkollox. 17 Ġeħova se jħalli lilek, il-poplu tiegħek, u d-dar taʼ missierek tgħixu fi żmien diffiċli li qatt ma kien hawn bħalu minn meta Efrajm infired minn maʼ Ġuda, għax Hu se jibgħat lir-re tal-Assirja biex jattakkakom.
18 “Dakinhar, Ġeħova se jsaffar biex jiġi d-dubbien mill-kanali ’l bogħod tan-Nil tal-Eġittu u n-naħal mill-art tal-Assirja, 19 u dawn se jiġu kollha u joqogħdu fil-widien fondi, fix-xquq tal-blat, fuq l-għollieq kollha, u l-postijiet kollha fejn hemm l-ilma.
20 “Dakinhar, Ġeħova se juża l-mus li kera Aħaż mir-reġjun tax-Xmara,* jiġifieri lir-re tal-Assirja, biex iqaxxrilkom raskom, is-suf taʼ saqajkom, u d-daqna wkoll.
21 “Dakinhar, persuna se żżomm ħajjin waħda mill-baqar żgħar tagħha u żewġ nagħġiet. 22 U peress li jkun hemm ħafna ħalib, din se tiekol il-butir, għax kull min jifdal fil-pajjiż se jiekol butir u għasel.
23 “Dakinhar, kull fejn kien hemm 1,000 dielja li jiswew 1,000 biċċa tal-fidda, se jkun hemm għollieq u ħaxix ħażin biss. 24 Kull min imur hemm ikun armat bil-qaws u l-vleġeġ, għax il-pajjiż kollu se jkun mimli għollieq u ħaxix ħażin. 25 Int mhux se tersaq viċin il-muntanji kollha li kienu jitnaddfu bl-imgħażqa, għax tibżaʼ mill-għollieq u l-ħaxix ħażin; dawn se jsiru post fejn imorru jieklu l-barrin u jgħaffġu fuqu n-nagħaġ.”