Eżodu
33 Ġeħova qal ukoll lil Mosè: “Itlaq minn hawnhekk flimkien mal-poplu li int ħriġt mill-art tal-Eġittu. Ivvjaġġa lejn l-art li dwarha jien ħlift lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, billi għedt, ‘Lid-dixxendenti tiegħek* se nagħtiha.’ 2 U nibgħat anġlu qablek u nkeċċi lill-Kangħanin, l-Amurrin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin. 3 Mur f’art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. Imma jien m’iniex se niġi f’nofskom, għaliex intom poplu rasu iebsa,* u jistaʼ jkun li neqridkom għalkollox fit-triq.”
4 Meta n-nies semgħu dan il-kliem iebes, qabadhom dwejjaq kbar, u ħadd minnhom ma libes it-tiżjin tiegħu. 5 Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lill-Iżraelin, ‘Intom poplu rasu iebsa.* F’mument wieħed nistaʼ ngħaddi minn nofskom u neqridkom għalkollox. Għalhekk, terġgħux tilbsu t-tiżjin tagħkom waqt li jien nikkunsidra kif se nikkastigakom.’” 6 U l-Iżraelin neħħew it-tiżjin tagħhom ħdejn il-Muntanja Ħoreb u ma reġgħux libsuh minn hemm ’il quddiem.
7 Issa Mosè ħa t-tinda tiegħu u ramaha ’l barra mill-kampijiet, ftit ’il bogħod minnhom, u semmieha tinda tal-laqgħa. Min ried ikun jaf x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova kien joħroġ lejn it-tinda tal-laqgħa, li kienet ’il barra mill-kampijiet. 8 Hekk kif Mosè kien joħroġ lejn it-tinda, in-nies kollha kienu jqumu u joqogħdu fid-daħla tat-tinda tagħhom stess, u jibqgħu jħarsu lejn Mosè sakemm jidħol fit-tinda. 9 Malli Mosè kien jidħol fit-tinda, il-kolonna tas-sħab kienet tinżel u toqgħod fid-daħla tat-tinda waqt li Alla kien ikellem lil Mosè. 10 Meta n-nies kollha kienu jaraw il-kolonna tas-sħab fid-daħla tat-tinda, kull wieħed minnhom kien imil fid-daħla tat-tinda tiegħu stess. 11 Ġeħova kien ikellem lil Mosè wiċċ imb wiċċ, bħalma bniedem ikellem bniedem ieħor. Meta Mosè kien jerġaʼ lura lejn il-kampijiet, Ġożwè bin Nun, il-qaddej u l-assistent tiegħu, ma kienx jitlaq mit-tinda.
12 Issa Mosè qal lil Ġeħova: “Int qed tgħidli biex immexxi lil dan il-poplu, imma m’għedtlix lil min se tibgħat miegħi. Iktar minn hekk, int għedt, ‘Nafek b’ismek,* u int approvat f’għajnejja.’ 13 Jekk jogħġbok, jekk jien approvat f’għajnejk, ħallini nkun naf triqatek, biex inkun nafek u nkompli nkun approvat f’għajnejk. Ukoll, ftakar li dan il-ġens hu l-poplu tiegħek.” 14 Għalhekk Alla* qal: “Jien stess se niġi miegħek u nserraħlek moħħok.” 15 Wara Mosè qallu: “Jekk ma tiġix magħna int, tibgħatniex minn hawn. 16 In-nies kif se jkunu jafu li jien u l-poplu tiegħek approvati f’għajnejk? Mhux billi tiġi magħna, ħalli jien u l-poplu tiegħek inkunu differenti mill-popli l-oħrajn kollha fuq wiċċ l-art?”
17 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Se nagħmel ukoll dan li qed titlobni, għaliex int approvat f’għajnejja u jien nafek b’ismek.” 18 Imbagħad Mosè qallu: “Jekk jogħġbok, urini l-glorja tiegħek.” 19 Imma hu qal: “Jien se nġiegħlek tara t-tjieba kollha tiegħi, u se niddikjara quddiemek ismi, Ġeħova, u se napprova u nuri ħniena lil min nixtieq.” 20 Imma żied: “Int ma tistax tara wiċċi, għaliex ebda bniedem ma jistaʼ jarani u jibqaʼ ħaj.”
21 Ġeħova kompla jgħid: “Hawn post ħdejja. Oqgħod fuq dik il-blata. 22 Meta tkun għaddejja l-glorja tiegħi, inpoġġik f’għar fil-blata u nipproteġik b’idi sakemm inkun għaddejt. 23 Imbagħad inneħħi idi, u int tara dahri. Imma ma tistax tara wiċċi.”