Dewteronomju
3 “Imbagħad dorna u tlajna minn Triq il-Basan. U Għog, ir-re tal-Basan, ħareġ mal-poplu kollu tiegħu biex jiġġieled magħna f’Edrej. 2 Għalhekk Ġeħova qalli, ‘Tibżax minnu, għax se nagħti f’idejk lilu, lill-poplu kollu tiegħu, u lil artu. U int agħmillu bħalma għamilt lil Siħon ir-re tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon.’ 3 Għalhekk, Ġeħova l-Alla tagħna tana wkoll f’idejna lir-Re Għog tal-Basan u lill-poplu kollu tiegħu, u bqajna noqtluhom sakemm ma kien għad baqaʼ ħadd ħaj mill-poplu tiegħu. 4 Imbagħad ħadna taħt idejna l-bliet kollha tiegħu. Ma kienx hemm belt li ma ħadnilhomx, 60 belt, jiġifieri r-reġjun kollu tal-Argob, is-saltna t’Għog fil-Basan. 5 Dawn il-bliet kienu kollha ffortifikati bi swar għoljin, bibien kbar, u staneg. Ħadna wkoll ħafna bliet żgħar. 6 Madankollu, qridniehom, bħalma konna għamilna lir-Re Siħon taʼ Ħesbon, meta qridna lil kull belt, inkluż l-irġiel, in-nisa, u t-tfal. 7 U ħadna l-bhejjem kollha u l-affarijiet tal-bliet għalina.
8 “Dik il-ħabta, ħtafna l-art taż-żewġ rejiet Amurrin li kienu fir-reġjun tal-Ġordan, mill-Wied tal-Arnon sal-Muntanja Ħermon, 9 il-muntanja li s-Sidonin kienu jgħidulha Sirjon u li l-Amurrin kienu jgħidulha Senir, 10 u ħtafna wkoll il-bliet kollha tal-pjanura fl-għoli, Gilegħad kollu, u l-Basan kollu sa Saleka u Edrej, il-bliet tas-saltna t’Għog fil-Basan. 11 Għax Għog tal-Basan kien l-aħħar wieħed mir-Refajin. It-tebut* tiegħu kien magħmul mill-ħadid* u għadu f’Rabba tal-Għammonin. Dan twil disaʼ kubiti* u wiesaʼ erbaʼ kubiti, skont il-qies taʼ kubitu normali. 12 F’dak iż-żmien ħadna f’idejna din l-art li hi minn Għarogħer, li qiegħda ħdejn il-Wied tal-Arnon, u tinkludi nofs ir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. Jien tajt il-bliet tagħha lir-Rubenin u lill-Gadin. 13 U l-bqija taʼ Gilegħad u l-Basan kollu tas-saltna t’Għog tajthom lil nofs it-tribù taʼ Manasse. Ir-reġjun kollu tal-Argob, li hu tal-Basan, kien magħruf bħala l-art tar-Refajin.
14 “Ġajir bin Manasse ħa r-reġjun kollu tal-Argob sal-fruntiera tal-Gesurin u l-Magħkatin, u dawk l-irħula tal-Basan semmiehom għalih, Ħawwot-ġajir,* sa dan il-jum. 15 U lil Makir tajtu Gilegħad. 16 U lir-Rubenin u lill-Gadin tajthom minn Gilegħad sal-Wied tal-Arnon, b’nofs il-wied bħala fruntiera, u sal-Ġabbok, il-wied li hu l-fruntiera tal-Għammonin, 17 u l-Għaraba u x-Xmara Ġordan u x-xatt tagħha, minn Kinneret sal-Baħar tal-Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ,* li jinsab in-naħa t’isfel tal-Pisga lejn il-Lvant.
18 “Imbagħad tajtkom dan il-kmand: ‘Ġeħova l-Alla tagħkom ta din l-art lilkom biex tkun tagħkom. L-irġiel kollha kuraġġużi se jieħdu l-armi u jaqsmu qabel ħuthom l-Iżraelin. 19 Huma biss in-nisa, it-tfal, u l-bhejjem tagħkom (naf tajjeb li intom għandkom ħafna bhejjem) li se jibqgħu jgħixu fil-bliet li tajtkom, 20 sakemm Ġeħova jagħti mistrieħ lil ħutkom, bħalma għamel magħkom, u huma wkoll ikunu ħadu l-art li Ġeħova l-Alla tagħkom se jagħtihom in-naħa l-oħra tal-Ġordan. Imbagħad tiġu lura, kull wieħed lejn il-propjetà tiegħu li tajtkom jien.’
21 “Dak iż-żmien tajt dan il-kmand lil Ġożwè: ‘Rajt b’għajnejk stess dak li Ġeħova l-Alla tagħna għamel lil dawn iż-żewġ rejiet. Ġeħova se jagħmel l-istess affarijiet lis-saltniet kollha li se tgħaddi minnhom. 22 Tibżgħux minnhom, għax hu Ġeħova l-Alla tagħkom li qed jiġġieled għalikom.’
23 “F’dak iż-żmien jien tlabt bil-ħniena lil Ġeħova, 24 ‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* int bdejt turi lill-qaddej tiegħek il-kobor tiegħek u s-saħħa t’idek, għax liema alla fis-sema jew fuq l-art jagħmel affarijiet tal-għaġeb bħalek? 25 Jekk jogħġbok, ħallini naqsam u nara l-art tajba li qiegħda n-naħa l-oħra tal-Ġordan, dan ir-reġjun muntanjuż sabiħ u l-Libanu.’ 26 Imma Ġeħova kien għadu rrabjat miegħi minħabba fikom u ma semagħnix. Minflok, Ġeħova qalli, ‘Biżżejjed! Terġax tkellimni fuq dan. 27 Itlaʼ fuq il-quċċata tal-Pisga u ħares lejn il-Punent, it-Tramuntana, in-Nofsinhar, u l-Lvant, u ħares lejn l-art, għax m’intix se taqsam dan il-Ġordan. 28 Inkariga lil Ġożwè u inkuraġġih u saħħu, għaliex hu l-wieħed li se jmexxi lill-poplu fl-art li se tara sabiex jgħixu fiha.’ 29 Dan kollu ġara waqt li konna qed ngħixu fil-wied quddiem Bet-pegħor.