L-Ewwel Ittra lil Timotju
6 Dawk li huma lsiera, ħa jirrispettaw lis-sidien tagħhom b’qalbhom kollha, ħalli b’hekk in-nies qatt ma jmaqdru l-isem t’Alla u t-tagħlim tiegħu. 2 Iktar minn hekk, l-ilsiera li għandhom sidien li jemmnu m’għandhomx juruhom diżrispett, għax huma aħwa. Minflok, għandhom jaħdmu iktar iebes, għax dawk li qed jibbenefikaw mis-servizz tajjeb tagħhom huma wħud li jemmnu u aħwa għeżież.
Kompli għallimhom dawn l-affarijiet u ħeġġiġhom biex jagħmluhom. 3 Jekk xi ħadd jgħallem tagħlim ieħor u hu ma jaqbilx mal-istruzzjoni li hi taʼ benefiċċju,* li ġejja mill-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u lanqas jaqbel mat-tagħlim li hu fi qbil maʼ li wieħed ikun leali lejn Alla, 4 hu mkabbar u ma jifhem xejn. Hu jkun moħħu biex jargumenta u jaqlaʼ kwistjonijiet dwar il-kliem. Dawn l-affarijiet iġibu l-għira, il-ġlied, il-malafama,* u suspetti ħżiena.* 5 Dawn l-affarijiet iġiegħlu lill-irġiel li l-ħsieb tagħhom hu ħażin għalkollox u li telqu l-verità biex dejjem jaqilgħu kwistjoni fuq affarijiet żgħar. Huma jridu jkunu leali lejn Alla biss biex jakkwistaw xi ħaġa. 6 Ovvjament, li wieħed ikun leali lejn Alla u kuntent b’dak li għandu jikseb ħafna benefiċċji. 7 Għax ma ġibna xejn magħna fid-dinja, u xejn mhu se nieħdu magħna meta mmutu. 8 Għalhekk, jekk ikollna x’nieklu u x’nilbsu,* se nkunu kuntenti.
9 Imma dawk li huma determinati li jsiru sinjuri jaqgħu f’tentazzjoni u nassa u jċedu għal ħafna xewqat bla sens li jagħmlu l-ħsara u li jwasslu għall-qerda u r-rovina. 10 Għax l-imħabba għall-flus iġġib kull tip taʼ ħsara u minħabba fiha xi wħud telqu l-fidi u ġabu ħafna tbatijiet fuqhom infushom.*
11 Imma int, qaddej t’Alla, aħrab minn dawn l-affarijiet u rsisti biex tagħmel dak li hu tajjeb, tkun leali lejn Alla, ikollok il-fidi, ikollok l-imħabba, tissaporti, u turi l-ħlewwa. 12 Iġġieled il-ġlieda t-tajba biex tiddefendi t-tagħlim t’Alla;* żomm sod mal-ħajja taʼ dejjem li Alla għażlek għaliha u li int xandart dwarha bl-aħjar mod lil ħafna nies.
13 Jien nikkmandak quddiem Alla, li jżomm kollox ħaj, u Kristu Ġesù, li ta xhieda tajba quddiem Ponzju Pilatu, 14 biex tobdi l-kmandament u tibqaʼ bla tebgħa u ma ġġibx tmaqdir sakemm juri li reġaʼ ġie lura l-Mulej tagħna Ġesù Kristu, 15 li hu ferħan u li hu l-Mexxej li se juri l-qawwa tiegħu. Hu r-Re tar-rejiet u s-Sid tas-sidien, 16 l-uniku wieħed li ma jistax imut, li jgħix f’dawl li ma tistax tersaq lejh u li ebda bniedem ma ra jew jistaʼ jara. Jalla jiġi onorat u jalla l-qawwa tiegħu tibqaʼ għal dejjem. Ammen.
17 Ikkmanda* lil dawk li huma sinjuri f’din id-dinja* biex ma jkunux arroganti u biex ma jittamawx fil-ġid li jistaʼ jispiċċa f’daqqa imma f’Alla, li jagħtina b’abbundanza dak kollu li ngawdu. 18 Għidilhom biex jagħmlu l-ġid, jagħmlu ħafna affarijiet tajbin, ikunu ġenerużi, u lesti li jaqsmu m’oħrajn. 19 Billi jagħmlu dan ikun qishom qed jiġbru l-ġid mingħand Alla. Dan ifisser li jkunu qed jagħmlu pedament sod għall-futur, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jaqbdu qabda soda mal-ħajja vera.
20 Timotju, ipproteġi dak li ġie fdat lilek billi titbiegħed mid-diskors vojt li jiddiżonora lil Alla u minn ideat taʼ nies li jaħsbu li għandhom l-għarfien, imma li dan imur kontra dak li hu veru. 21 Billi aċċettaw dan l-għarfien, xi wħud tbiegħdu mill-fidi.
Jalla Alla jurikom qalb tajba kbira.