Dewteronomju
9 “Ismaʼ Iżrael, illum int se taqsam il-Ġordan biex tidħol u tieħu l-propjetà taʼ popli akbar u iktar b’saħħithom minnek, bi bliet kbar u ffortifikati sas-sema,* 2 b’nies kbar u twal, l-Għanakin, li fuqhom kont taf u smajt, ‘Min jistaʼ jiħodha kontra t-tfal t’Għanak?’ 3 Għaldaqstant, għandek tkun taf illum li Ġeħova l-Alla tiegħek se jaqsam quddiemek. Hu nar li jeqred, u hu se jġibhom fix-xejn. Hu se jrażżanhom quddiem għajnejk sabiex int tkeċċihom* u teqridhom malajr, bħalma wiegħdek Ġeħova.
4 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek ikeċċihom minn quddiemek, tgħidx f’qalbek, ‘Kien minħabba li jien ġust li Ġeħova daħħalni f’din l-art biex niħodha f’idejja.’ Għax hu minħabba l-ħażen taʼ dawn il-popli li Ġeħova qed ikeċċihom minn quddiemek. 5 Mhuwiex minħabba li int ġust jew l-onestà taʼ qalbek li se tidħol biex tieħu arthom. Imma hu minħabba l-ħażen taʼ dawn il-popli li Ġeħova l-Alla tiegħek qed ikeċċihom minn quddiemek u biex jagħmel dak li Ġeħova ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb. 6 Kun af mela, li mhux minħabba li int ġust li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik din l-art tajba biex tiħodha f’idejk, għax int poplu rasu iebsa.*
7 “Ftakru, u tinsew qatt, kif ġegħeltu lil Ġeħova l-Alla tagħkom jirrabja fid-deżert. Minn dakinhar li ħriġtu mill-art tal-Eġittu sakemm wasaltu f’dan il-post, intom irribellajtu kontra Ġeħova. 8 Anki f’Ħoreb ġegħeltu lil Ġeħova jirrabja, u Ġeħova tant kien irrabjat għalikom li kien lest li jeqridkom għalkollox. 9 Meta tlajt fuq il-muntanja biex nirċievi t-twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt li Ġeħova kien għamel magħkom, jien bqajt fuq il-muntanja 40 jum u 40 lejl mingħajr ma kilt u xrobt. 10 Imbagħad Ġeħova tani ż-żewġ twavel tal-ġebel miktubin b’sebgħu, u fuqhom kien hemm il-kliem kollu li Ġeħova kien qalilkom minn ġon-nar dakinhar li nġbartu fuq il-muntanja. 11 Meta għaddew l-40 jum u l-40 lejl, Ġeħova tani ż-żewġ twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt, 12 u Ġeħova qalli, ‘Inżel malajr minn hawnhekk, għaliex in-nies tiegħek li int ħriġt mill-Eġittu aġixxew b’mod mill-agħar. Huma malajr warrbu mit-triq li kkmandajthom biex jimxu fiha. Għamlu għalihom statwa tal-metall.’* 13 Imbagħad Ġeħova qalli, ‘Ħarist lejn dan il-poplu u rajt li hu poplu rasu iebsa.* 14 Ħallini ħa neqridhom għalkollox u nħassar isimhom minn taħt is-sema, u ħa nagħmel lilek poplu iktar b’saħħtu u akbar minnhom.’
15 “Imbagħad dort u nżilt mill-muntanja waqt li din kienet qed taqbad bin-nar, u ż-żewġ twavel tal-patt kienu f’idejja t-tnejn. 16 Imbagħad ħarist u rajt li kontu dnibtu kontra Ġeħova l-Alla tagħkom! Għamiltu għalikom barri żgħir tal-metall.* Malajr warrabtu mit-triq li Ġeħova kien ikkmandakom biex timxu fiha. 17 Għalhekk, qbadt iż-żewġ twavel u waddabthom u farrakthom quddiem għajnejkom. 18 Imbagħad inxtħett fl-art quddiem Ġeħova bħall-ewwel darba, għal 40 jum u 40 lejl. La kilt u lanqas xrobt, minħabba d-dnubiet kollha li għamiltu meta għamiltu l-ħażen f’għajnejn Ġeħova u ġegħeltuh jirrabja. 19 Għax jien twerwirt minħabba r-rabja kbira li Ġeħova kellu għalikom. Hu kien lest jeqridkom għalkollox. Madankollu, Ġeħova semagħni f’dan iż-żmien ukoll.
20 “Ġeħova tant kien irrabjat għal Aron li kien lest jeqirdu għalkollox, imma jien tlabt bil-ħniena* għal Aron ukoll dak iż-żmien. 21 Imbagħad ħadt id-dnub tagħkom, il-barri żgħir* li kontu għamiltu, u ħraqtu, farraktu, u tħantu sew sakemm sar fin bħat-trab, u tfajt it-trab fil-wied li kien nieżel mill-muntanja.
22 “F’Tabgħera, f’Massah, u f’Kibrot-ħattawa, intom ukoll ġegħeltu lil Ġeħova jirrabja. 23 Meta Ġeħova ħariġkom minn Kades-barnegħa u qalilkom, ‘Itilgħu u ħudu f’idejkom l-art li żgur li se nagħti lilkom!’ intom erġajtu rribellajtu kontra l-kmand taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, u ma wrejtux fidi fih u m’obdejtuhx. 24 Ilkom tirribellaw kontra Ġeħova minn mindu sirt nafkom.
25 “Għalhekk, bqajt ninxteħet fl-art quddiem Ġeħova għal 40 jum u 40 lejl. Dan għamiltu għaliex Ġeħova qal li kien se jeqridkom għalkollox. 26 Jien bdejt nitlob bil-ħniena lil Ġeħova u ngħidlu, ‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* teqridx lin-nies tiegħek. Huma l-propjetà persunali* tiegħek, li int fdejt* bil-kobor tiegħek u ħriġt mill-Eġittu b’id b’saħħitha. 27 Ftakar fil-qaddejja tiegħek Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Aħfer ir-ras iebsa taʼ dawn in-nies, il-ħażen, u d-dnub tagħhom. 28 Inkella n-nies tal-art li ħriġtna minnha jgħidu: “Ġeħova ma kellux il-ħila jdaħħalhom fl-art li kien wegħedhom, u minħabba li kien jobgħodhom, ħariġhom biex joqtolhom fid-deżert.” 29 Għax huma l-poplu tiegħek u l-propjetà persunali* tiegħek, li int ħriġt bil-qawwa kbira u bl-id b’saħħitha tiegħek.’